Tuesday, April 23, 2024

Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar l-integrazzjoni

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika bi tħejjija għat-tieni politika u pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-integrazzjoni, wara li l-ewwel qafas strateġiku ġie implimentat matul il-ħames snin li għaddew.

Il-Gvern għaddej bil-ħidma tiegħu biex ikompli jimplimenta l-wegħda elettorali dwar l-integrazzjoni. Dan qed isir permezz ta’ diversi inizjattivi u programmi li jwasslu għal integrazzjoni aħjar, li hi ukoll għodda neċessarja kontra r-razziżmu u forom oħra relatati mad-diskriminazzjoni. Għaldaqstant qed titnieda din il-konsultazzjoni pubblika sabiex jinstemgħu ċ-ċittadini qabel ma’ tiġi ffinalizzata t-tieni politika għal dan is-settur.

Dan id-dokument, li l-għan tiegħu hu li jiġu indirizzati r-realtajiet soċjali preżenti, inkiteb minn working group mwaqqaf apposta, immexxi mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u kompost minn persuni li direttament jew indirettament jaħdmu fuq l-integrazzjoni, inkluż rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali, Identity Malta, il-Korp tal-Pulizija u rappreżentant mill-Komunità tar-Refuġjati.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg spjegat il-proċessi li wasslu għall-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument li fuqu se ssir l-konsultazzjoni filwaqt li elenkat il-miri ewlenin għaż-żmien li ġej.

Hija spjegat kif din il-konsultazzjoni pubblika ser twassal biex pajjiżna jimplimenta Pjan ta’ Azzjoni li se jkun qed jindirizza diversi oqsma ewlenin, fosthom il-ħolqien ta’ komunitajiet aktar sikuri u t-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs fil-kuntest tal-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi ta’ pajjiżna.

“Fil-politika tal-integrazzjoni ma teżistix soluzzjoni waħda iżda jrid ikun hemm sensiela ta’ miżuri li lkoll flimkien iwasslu biex tkun soċjetà dejjem aħjar għalina u għal uliedna. Dan is-suġġett irridu nindirizzawh b’sens ta’ maturità u responsabbiltà sabiex tassew nindirizzaw l-isfidi li qed naffaċċjaw iżda rridu nagħmlu dan b’mod li jeħodna ’l bogħod mill-misinformazzjoni,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sur Alexander Tortell mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li kkordina l-working group. Huwa qal kif id-dokument li qed jiġi ppreżentat lill-pubbliku jindika b’mod ċar li permezz tat-tagħrif u l-ħiliet li nkisbu f’dan is-settur tul dawn l-aħħar snin, qed jaraw li l-miżuri li jridu jinkludu fit-tieni politika jirriflettu l-ħtiġijiet tal-individwi kollha.

Sport