Friday, October 25, 2024

Il-Qorti tal-Appell tikkonfermati 18-il sena ħabs wara li nstab ħati b’pussess ta’ 25kg kannabis

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell, ikkonfermat sentenza ta’ 18-il sena ħabs kif ukoll multa ta’ €38,000 fil-konfront ta’ Davide Bonanno wara li kien instab ħati ta’ pussess aggravat ta’ droga u assoċjazzjoni ma’ terzi.

Kien f’April li għadda meta waqt ġuri l-akkużat kien instab ħati b’sitt voti konta tlieta. Iżda fl-istess ġuri ma kienx instab ħati li fl-2018 kien importa f’Malta l-kannabis.

Wara li ngħata l-verdett, l-Avukat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali kien qal li Bonanno għandu jingħata sentenza ta’ 20 sena ħabs jew aktar. Iżda l-avukat difensur Simon Micallef Stafrace kien sostna li hu ma kienx instab ħati ta’ importazzjoni u l-akkużi li nstab ħati dwarhom kienu ‘l bogħod minn wieħed unanimu. Għal din ir-raġuni hu kellu jingħata l-inqas sentenza posibbli.

Kien il-ħati li appella mis-sentenza fejn talab lill-Qorti biex tbiddel jew tħassar is-sentenza. Fl-appell sostna li ma kienx hemm provi li hu kien jifforma parti minn xi assoċazzjoni kriminali li l-għan tagħha kien li ġġib id-droga f’Malta. Sostna li meta kienet waslet il-merkanzija kien irrifjuta li jħallas għaliha għax skont hu ma kinitx tiegħu. Qal li l-ġurati waslu għal verdett tagħhom fuq assunzjonjiet u mhux fatti provati. Stqarr li dak li daħal fih kien innoċentament.

L-Avukat Ġenerali qal li Bonanno fl-appell ma kkontestax il-fatt li hu kien irċieva l-merkanzija, ħattha minn fuq vann u daħħalha f’garaxx.

Fix-xhieda l-Pulizija qalu li kienet waslitilhom informazzjoni li fi trailer li kien ġej minn Sqallija kien hemm id-droga. Din kellha tkun moħbija f’karti ta’ tissues.

Il-Qorti tal-Appell qalet li kien hemm biżżejjed provi biex il-ġurati jaslu għal verdett li kien hemm ftehim minn qabel bejn l-akkużat u oħrajn biex din id-droga titwassal fid-destinazzjoni finali.

Għaldaqstant hija ċaħdet it-talba tiegħu u kkonfermat l-ewwel sentenza.

Sport