Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti, ġie ppruvat li l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) għandha d-dritt li tipproteġi lill-membri tagħha permezz ta’ azzjonijiet industrijali.
F’digriet tal-Imħallef Dr Joanne Vella Cuschieri, il-Qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir kontra l-MUT.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li “se tkompli tagħmel il-pressjonijiet meħtieġa biex il-kulleġġ ma jkomplix jitmexxa b’inkompetenza kbira.”
Sostniet ukoll li tinsab f’komunikat mal-Ministeru għall-Edukazzjoni kif ukoll mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika sabiex flimkien jintervjenu biex titwaqqaf l-emorraġija ta’ edukaturi li qed jitilqu mill-kulleġġ minħabba Rettur li qiegħed jeqred kollu li rnexxielu jikseb il-Kulleġġ matul is-snin.
L-MUT qalet li r-Rettur u l-Bord tal-Kulleġġ għandhom jirriżenjaw jew jitneħħew mill-kariga minħabba attitudnijiet oppressivi li qed iħallu effetti kbar mhux mixtieqa fuq it-tagħlim u d-dritt tal-istudenti li jitgħallmu.
L-Unjin temmet tgħid li l-kulleġġ jista’ jiffunzjona biss jekk l-edukaturi kollha inkluż il-maniġment tal-iskola li fadal jitħallew jaħdmu.