Thursday, December 26, 2024

Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ kumpens għall-sewwieq ta’ mutur wara li dan naqas milli jsuq prudenti

Aqra wkoll

Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ kumpens għal sewwieq ta’ mutur, li fetaħ kawża kontra tfajla b’rabta ma’ inċident tat-traffiku f’Ħal Għaxaq.

Ġie spjegat kif il-każ seħħ fil-21 ta’ Marzu tal-2014. Fil-Qorti, Oliver Calleja fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Rodianne Desira fejn żammha responsabbli għall-istess inċident

Is-sewwieq ta’ mutur argumenta li t-tfajla kienet bil-karozza tagħha u li din allegatament baqgħet ħierġa mingħajr ma waqfet, bil-konsegwenza li Calleja spiċċa ntlaqat u spiċċa ġarrab ġrieħi ta’ natura gravi, liema ġrieħi u allegazzjoniijiet ġew miċħuda mit-tfajla.

Fil-Qorti, L-Imħallef Mark Simiana sema’ iż-żewġ verżjonijiet u ra r-rapport tal-Pulizija kif ukoll ikkunsidra li fl-2019 Desira ma kinitx instabet ħatja tal-inċident fil-kawża fil-Qorti Kriminali.

Huwa kkonkluda li l-verżjoni ta’ Desira kienet iktar konvinċenti u rrimarka li ma jemminx lil Calleja meta qal li t-tfajla ħarġet fit-triq ewlenija. Dan minħabba li s-sewwieq tal-mutur, kien biss żewġ metri l’bogħod minnha.

L-Imħallef Simiana kkonkluda li l-inċident seħħ tort tas-sewwieq tal-mutur li jew kien qed isuq b’mod parallel mat-traffiku fil-karreġġjata tiegħu jew kien qed jaqbeż il-vettura ta’ quddiemu li waqfet lil dik tal-mara biex toħroġ mit-triq sekondarja.

Huwa żied li fiż-żewġ ipoteżijiet is-sewwieq tal-mutur naqas milli jsuq b’mod prudenti u għalhekk ċaħadlu t-talba għall-kumpens.

Ekonomija

Sport