Tuesday, September 24, 2024

“Għandna nkomplu niffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala”- Il-Ministru Anton Refalo

- Malta tenfasizza għal aktar miżuri li jiffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda għall-Kunsill tal-Ministri Ewropej fi Brussell, fejn ġew diskussi temi importanti relatati mas-settur tal-agrikoltura . 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Refalo wera apprezzament għall-ħidma li saret mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta proposta leġislattiva u l-isforzi li qed isiru għas-simplifikazzjoni tar-regolamenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sabiex dawn jiġu adattati għal realtajiet ġodda. Huwa għamel aċċenn għas-simplifikazzjoni u l-implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-pjan strateġiku tal-PAK, b’mod partikolari l-emendi fir-rigward ta’ azjendi agrikoli żgħar.

Il-Ministru Refalo enfasizza li għandhom jiġu introdotti  prattiċi, fuq livell Ewropew, li jiżguraw serħan il-moħħ u trasparenza kemm lill-bdiewa u raħħala, kif ukoll lill-konsumatur li jixtri minn għandhom. Huwa tenna wkoll li għandu jiġi assigurat li leġislazzjoni futura ma żżidx piżijiet żejda fuq il-bdiewa.

Il-Ministru żied jgħid li wieħed irid iqis ir-riskji u l-isfidi kollha li jiffaċċjaw il-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u għandu jiġi żgurat li jkun hemm ambjent ekonomiku b’saħħtu għall-bdiewa.

Il-Ministru għamel referenza għall-fatt li l-bdiewa Ewropej huma meħtieġa jadottaw miżuri, kontrolli u kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ambjentali meta mqabbla ma’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Hawn huwa semma l-bżonn ta’ aktar flessibbiltà fir-rigward tar-regolamenti dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur agrikolu, biex jiġi żgurat li jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. F’dan ir-rigward, il-Ministru Refalo laqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa li għaddiet dwar dan il-punt.

Il-Ministru Refalo tenna li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll aktar flessibbiltà għat-trasferiment tal-fondi, li tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu tal-allokazzjoni tal-fondi sabiex jipprovdu rispons rapidu għal kwalunkwe kriżi emerġenti. Għaldaqstant huwa talab li tingħata flessibbiltà addizzjonali lill-Istati Membri biex jappoġġjaw lill-bdiewa f’każ ta’ avvenimenti estremi tat-temp  kif ukoll għall-instabbiltà tas-suq.

“Nirringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea talli għarfet il-ħtiġijiet tal-bdiewa Ewropej. Nemmnu iżda li dan huwa biss il-bidu u m’għandniex nieqfu hawn, iżda għandna nkomplu niffaċilitaw ħidmet il-bdiewa u raħħala, sabiex anke aktar żgħażagħ jitħajru jidħlu fis-settur,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Sport