Monday, May 20, 2024

Il-Qorti tiċħad li koppja bdiewa jiġu żgumbrati u tikkundanna t-theddid tas-sid

Il-Qorti tikkundanna kull theddid minn sidien li jippretendu li huma cowboys

Aqra wkoll

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ċaħdet it-talbiet li saru minn sid ta’ art agrikola f’Burmarrad sabiex jiżgombra familja ta’ bdiewa u jingħata kumpens għat-telf li allega li sofra minħabba li l-kera kienet waħda baxxa.

Mark Gaffarena fetaħ il-kawża kontra l-Avukat tal-Istat u kontra Joseph Briffa u Giovanna Briffa li qegħdin jokkupaw l-art tiegħu b’titlu ta’ qbiela, li fuqu jħallsu ftit inqas minn 200 ewro fis-sena.

Gaffarena argumenta li l-familja Briffa ma taħdimx l-art u li r-razzett mal-għelieqi kien żdingat, iżda mbagħad qal li huwa qatt ma talab biex jidħol ġewwa.

Min-naħa tagħhom, il-familja Briffa argumentaw li huma dejjem għexu fuq l-art maħduma li anke dwarha xehed rappreżentant mill-Għaqda Bdiewa Attivi li kkonferma li mar fis-sajf u ra l-art tinħadem b’mod intensiv. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnotat li Gaffarena kien akkwista l-proprjetà għas-somma ta’ €69,881. Dan meta skont ix-xhieda u l-istimi tal-perit tekniku, fl-istess sena tal-akkwist min-naħa tiegħu, fl-2003, il-proprjetà kienet tiswa €1,029,398.

“B’kalkolu sempliċi jirriżulta li fl-akkwist li għamel ir-rikorrenti, huwa ħallas biss madwar 6% tal-valur veru ta’ dik il-proprjetà f’dak iż-żmien,” qalet il-Qorti. 

Il-Qorti osservat ukoll li għalkemm dawn il-proċeduri bdew fl-2020, kienu introdotti żewġ emendi importanti li jpoġġu lil sid il-kera f’pożizzjoni ferm aħjar minn dik li kien igawdi fl-2020, li llum ir-rikorrent jista’ jipprevalixxi ruħu minnhom.

“Din il-Qorti tagħmilha ċara li ma tara xejn ħażin fi spekulazzjoni ġusta ta’ proprjetà. Dan magħdud il-Qorti ma tistax tħalli inosservat ix-xhieda tal-inkwilin Briffa, inoltre mhux kontradetta, meta jgħid illi mal-akkwist tal-proprjetà da parti tar-rikorrent, huwa beda jirċievi theddid biex jiżgombra. Għal Qorti dan l-aġir ta’ min jippretendi illi huwa cowboy mhux aċċettabbli u tista’ biss tikkundannah,” tenna l-Imħallef Ian Spiteri Bailey.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Spiteri Bailey ċaħad it-talbiet kollha tar-rikorrent u ordnalu jħallas l-ispejjeż kollha, inkluż tal-familja Briffa.

B’reazzjoni, fi stqarrija l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qal li s-sentenza li ngħatat mill-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma kemm ir-riforma fil-liġijiet tal-qbiela li għamel il-Gvern kienet waħda f’waqtha u li maħsuba biex tħares lill-bdiewa f’pajjiżna. Din kienet bidla fil-liġijiet li kienet akkumpanjata b’miżuri oħra li daħħlu ġustizzja u li taw serħan il-moħħ lill-bdiewa għaliex iddaħħlet ukoll sistema iktar ġusta ma’ sid l-art.  

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, innota b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni tal-Qorti li tagħraf il-bżonn li l-bdiewa tagħna jiġu protetti kontra l-ispekulazzjoni inġusta minn sidien ta’ artijiet agrikoli.

“Idejn il-bdiewa ssaħħu bir-riformi li dan il-gvern kellu kuraġġ li jagħmel. Kien hemm min kien qed jipprova jiżgombra lill-bdiewa, kien hemm min kien qed jikkummenta dwar dan, imbagħad kien hemm il-Gvern li aġixxa b’riforma mill-iktar kuraġġuża,” qal il-Ministru Anton Refalo b’reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.

“Din id-deċiżjoni hija ċertifikat ieħor ta’ kemm ir-riformi li daħħal dan il-gvern f’dawn l-aħħar snin qegħdin jaħdmu u jagħtu r-riżultati mixtieqa,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Sport