Tuesday, September 24, 2024

Wieħed mit-tlitt irġiel akkużati bil-qtil doppju f’Tas-Sliema se jammetti għall-akkużi

… wara qbil bejn il-partijiet ta’ 40 sena ħabs

Aqra wkoll

Wieħed mit-tlitt irġiel li qed jistennew li jgħaddu ġuri b’rabta mal-qtil doppju f’Tas-Sliema, se jkun qed iwieġeb ħati tal-akkużi wara li ntlaħaq qbil dwar il-piena li kellu jingħata – dik ta’ 40 sena ħabs. 

Jesper Kristiansen qed ikun akkużat flimkien ma’ żewġ persuni oħra, bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski. Id-delitt seħħ fir-residenza tal-vittmi f’Tas-Sliema f’Awwissu tal-2020. 

Kristiansen, li huwa Daniż, kien ħarab minn Malta wara l-qtil iżda kien arrestat għaxart ijiem wara fi Spanja u sussegwentement ġie estradit lejn Malta biex jaffaċċja akkużi kriminali.

Iż-żewġt irġiel l-oħra li qed jaffaċċjaw akkużi b’rabta ma’ dan il-każ huma l-Albaniż Daniel Muka u l-Maċedonu Viktor Dragomanski. 

Matul il-ġurnata tat-tnejn, il-Qorti Kriminali kienet infurmata li t-tlitt irġiel kienu se jgħaddu ġuri flimkien. Madankollu, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras kienet infurmata li Kristiansen kien se jammetti għall-akkużi u li kien hemm qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar il-piena li kellha tingħata.

L-akkużat, assistit mill-avukati Stefano Filletti u Roberto Montalto, ikkonferma li huwa kien qed jifhem l-implikazzjonijiet wara l-ammissjoni tiegħu. L-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talab imbagħad għas-separazzjoni tal-proċeduri, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti.

Kristiansen mistenni jikkonferma l-ammissjoni tiegħu f’seduta oħra fil-futur qarib. Li kieku għadda ġuri u nstab ħati, huwa seta’ jiġi kkundannat għomru l-ħabs. Ladarba l-ammissjoni tiegħu tiġi formalizzata, huwa se jkun jista’ wkoll jixhed kontra l-ko-akkużati tiegħu mingħajr il-biża’ li jista’ jinkrimina lilu nnifsu. 

L-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio qed jidhru parte civile.

Sport