Wednesday, May 8, 2024

ARA: “Investiment li jsaħħaħ is-sigurtà u joffri serħan il-moħħ lin-nies”

Il-PM jinawgura s-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dan l-investiment kontinwu fil-Korpi Dixxiplinati u fl-infrastruttura għan-nies ifisser li l-ħajja ta’ kuljum tagħhom jistgħu jixgħuha b’mod aktar sigur. Meta inti tara tant investiment, tant nies li qed jaħdmu f’dawn il-korpi, mijiet ta’ persuni oħra li jridu jwettqu l-kompliment sħiħ ta’ dan il-Korp Dixxiplinat, li huma mħarrġa sew u li għandhom l-aqwa apparat jagħtu sens ta’ trankwillità. Sfortunatament il-Ħajja ġġib magħha inċidenti wkoll u li n-nies hemm barra taf li għandek forza li ġiet fi żmien biex tagħti sokkors, tagħti serħan il-moħħ li hemm min qiegħed jaħseb għalik”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kumment lil talk.mt waqt l-inawgurazzjoni tas-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin b’investiment ta’ kważi €500,000 akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri.

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li llum għandna Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-aqwa pożizzjoni li qatt kien biex iwettaq xogħlu. Dwar il-ħaddiema huwa qal li dawn qed jaħdmu f’ambjent aħjar, iktar sigur għalihom, b’riżultati aħjar u fuq kollox serħan il-moħħ għalihom u għall-familji tagħhom.

Permezz ta’ dan l-investiment is-Sezzjoni Marittima tal-Protezzjoni Ċivili issa hija tal-ogħla livell, tant li mhux biss issaħħet biex twieġeb għal salvataġġ fuq il-baħar, iżda ser tkun tista’ toffri wkoll appoġġ f’sejħiet oħra fuq l-art. Bil-binja issa toffri l-aqwa ambjent biex il-ħaddiema jagħtu l-aħjar servizz, fosthom b’sistema ta’ telekomunikazzjoni ġdida, li tippermetti l-kamra tal-kontroll tad-Dipartiment tinforma lill-ħaddiema kollha li jkunu fil-binja dwar kull inċident li jkun jirrikjedi l-assistenza immedjata tagħhom. B’dan jingħaqad mal-proġetti riċenti l-oħra fil-Protezzjoni Ċivili, bħalma huma l-vetturi u opri tal-baħar il-ġodda għat-tifi tan-nar b’investiment li laħħaq iżjed minn €5 miljun, li huma maħsuba għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li issa tinkludi wkoll tliet garaxxijiet li fost oħrajn ikunu jistgħu jakkomodaw l-inġenji tat-taqsima HAZMAT li twieġeb għal emerġenzi marbuta ma’ materjal kimiku perikoluż. Il-binja l-ġdida hija wkoll mgħammra b’dawk li huma msejħa bħala dry room u wet room, li mhux biss huma essenzjali għall-ħaddiema iżda wkoll kritiċi f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Il-Prim Ministru rrefera għal diskussjonijiet li matul din l-inawgurazzjoni kellu mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, uħud minnhom ilhom snin iservu, u spjega kif jfissrulek id-differenza li b’dawn l-investimenti qegħdin nagħmlu fil-ġurnata ta’ kuljum tagħhom. Tenna li jispikka wkoll is-sens ta’ kburija meta jilbsu l-uniformi Maltija barra minn xtutna u javviċinawhom kollegi u saħansitra jmorru fuqhom bħala punt ta’ referenza.

Dan hekk kif il-Gvern qiegħed jinvesti madwar €30 miljun fis-sena fis-sigurtà ta’ pajjiżna, biex jissokta l-investiment f’dan is-settur li fi kliem il-Prim Ministru ħaddiem b’kundizzjonijiet  u b’faċilitajiet aqwa, iwassal biex l-familji fil-mument tal-bżonn isibu Korpi Dixxiplinati lesti li mhux jgħinuhom biss, imma jgħinuhom bl-aqwa mod.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm billi esprima sens ta’ sodisfazzjon qawwi li kemm ilu Prim Ministru lill-Korpi Dixxiplinati kollha ngħataw ftehim settorjali u li kburi li l-ħidma għadha għaddejja biex ikomplu jitjiebu l-pagi u l-kundizzjonijiet tagħhom. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna li l-Gvern qed jinvesti direttament fil-ħaddiema, kemm billi jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati u anke fit-taħriġ tagħhom. 

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro, is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, flimkien ma’ ħaddiema u Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili.

Sport