Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Anne Marie Thake ċaħdet it-talba li saret mill-avukati ta’ Roderick Cassar biex jiġu sospiżi l-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu dwar il-qtil ta’ martu Bernice Cassar.
Huma għamlu din it-talba sakemm tiġi riżolta kważa kostituzzjonali kontra l-liġi tal-femiċidju li nbdiet mid-difiża f’Mejju 2023.
Hekk kif illum komplew il-proċeduri fil-konfront ta’ Cassar, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża u anke argumentat li fil-kawża kostituzzjonali dwar il-femiċidju, il-Qorti kienet tat diversi seduti biex jittellgħu xhieda minn kważi f’sena tella’ xhur wieħed li hu rappreżentat tal-Parlament ta’ Malta.
L-Avukat Angelle Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali argumentat fil-Qorti li t-talba biex jitwaqqfu l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ma hi xejn għajr tentattiv biex jittawwal iż-żmien, b’disprezz assolut lejn il-ġustizzja.
Min-naħa tiegħu l-avukat difensur Franco Debono qal li huma qegħdin jagħmlu xogħlhom u li huwa dritt li tintavola proċeduri kostituzzjonali.
Wara li semgħet il-partijiet il-Maġistrat Anne Marie Thake qalet li f’dan l-istadju l-Qorti qiegħda tiġbor il-provi u mhux se tkun qiegħda tiddeċiedi dwar sentenza ta’ xi kawża. Hi qalet ukoll li f’dan l-istadju ma kien hemm l-ebda deċiżjoni mill-qorti kostituzzjonali li twaqqaf il-proċeduri kriminali u għal din ir-raġuni, hija ċaħdet it-talba ta’ Cassar.
Cassar jinsab mixli li qatel lil mara tiegħu f’Raħal Ġdid. Hu qiegħed jiffaċċja 15-il kap ta’ akkuża.
L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri, Jacob Magri qegħdin jidhru għall-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija, filwaqt li l-Avukati Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar qed jidhru f’isem il-familja tal-vittma.