Il-Qorti laqgħet ir-rikors tal-Gvern u naqqset għal 20 jum l-perjodu ta’ appell għal Steward Healthcare fil-każ b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Dan ir-rikors tressaq mill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, u l-Awtorità Indis, u l-Awtorità responsabbli mill-artijiet.
F’seduta tal-Prim Awla Ċivili, ippresduta mill-Imħallef Miriam Hayman, ġie diskuss ir-rikors imressaq mill-Gvern biex jitnaqqas iż-żmien allokat għal Steward Healthcare biex tappella fil-każ tal-annullament tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
L-Avukat tal-Istat, Chris Soler iddikjara fil-Qorti li dan ir-rikors qiegħed jitressaq b’rabta ma’ sentenza ta’ interess pubbliku, nazzjonali, u tal-istat. Dan minħabba li qiegħda titratta dwar is-settur tas-saħħa. Huwa żied jgħid li, sakemm ikun hemm sentenza definittiva, legalment il-partijiet ma jafux fejn qegħdin, minħabba l-possibbiltà li l-istess sentenza tiġi appellata. Qal ukoll li t-talba tal-akkroċjalement qiegħda ssir minħabba li fin-nofs hemm dan is-settur daqstant importanti.
Filwaqt li esprimew l-interess li jappellaw mis-sentenza fiż-żmien allokat lilhom, Steward Healthcare iddefendew li-pożizzjoni u żiedu jinnutaw pressjoni politika fuq il-każ. Huma argumentaw li għadda ħafna żmien minn meta nfetħet il-kawża u għalhekk l-akkorċjament tat-terminu mhuwiex ġust. Stewards saħansitra żiedu jgħidu li dan l-akkorċjament se jkun qiegħed imur kontra d-drittijiet tagħhom.
L-Avukat tal-Istat madanakollu wieġeb billi stqarr kif l-akkorċjament jirrifletti biss l-interess nazzjonali biex tinkiseb iċ-ċertezza legali. Huwa nnota wkoll li dan il-każ huwa eċċezzjonali għax fl-istorja ta’ pajjiżna qatt ma kellna każ simili ta’ importanza nazzjonali daqstant kbira.