Wednesday, April 24, 2024

Creed III mingħajr Sylvester Stallone

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Il-film tal-biża’ b’laqta komika “Cocaine Bear” issorprenda bid-dħul mhux mistenni ta’ $23 miljun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li għadda mit-teatri Amerikanai biss. Bil-maqlub, “Ant-Man and the Wasp: Quantumania” ħasad lil ħafna li fit-tieni ġimgħa tiegħu id-dħul naqas b’69% meta mqabbel ma’ l-ewwel ġimgħa. Ebda film tal-Marvel ma naqqas daqshekk fit-tieni ġimgħa li jkun qed jintwera.

“Quantumania” żamm postu fil-quċċata tal-box Office Amerikana b’dħul ta’ ftit aktar minn $32 miljun.

Fit-tielet post ddebutta “Jesus Revolution” b’dħul ta’ $15.5 miljun li hu darbtejn u nofs aktar milli kien imbassar. Dan il-film hu ispirat mill-qawmien spiritwali fil-bidu tas-snin sebgħin fost komunità ta’ hippies żgħażagħ fin-naħa t’isfel ta’ Kalifornja. Films b’tema reliġjuża ġewwa l-Istati Uniti għadhom imorru tajjeb speċjalment ma’ dawk ’l fuq minn 25 sena u man-nisa.

“Avatar: The Way of Water” u “Puss in Boots: The Last Wish” okkupaw ir-raba’ u l-ħames post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa.

CREED III

Michael B. Jordan li għad għandu 36 sena, iħoss li kiseb esperjenza biżżejjed biex ikun il-protagonist quddiem il-kamera, u anke warajha. F’idejh jinsab “Creed III”, aktar u aktar għax Sylvester Stallone ħa għalih u abbanduna din il-franchise.

F’dan is-sequel, Adonis, jidher li issa qed igawdi ħajja ta’ wieħed irtirat u jgħix f’appartament lussuż f’Los Angeles. Il-pop-star martu, Bianca (Tessa Thompson) ukoll qed tikkunsidra li tqatta’ aktar ħin mal-familja, li tinkludi lit-tifla nieqsa mis-smigħ Amara (Mila Davis-Kent). Fil-gym, il-mentor ta’ Adonis issa hu Felix Chavez (Jose Benavidez). Kollox jidher perfett sakemm jitfaċċa ħabib antik ta’ Adonis.

Dan hu Damian Anderson (Jonathan Majors, li għadna kif rajnih nħala Kang the Conqueror f’“Ant-Man and the Wasp: Quantumania”). Damian ikun għadu kif ħareġ mill-ħabs wara li skonta sentenza ta’ 18-il sena priġunerija. Ikun reġa’ qed iduq l-arja ta’ barra u mgħandu xejn x’jitlef. Mgħandux flus u jidher mgħandu ebda membru tal-familja li jista’ jgħinu. Permezz ta’ flashback insiru nafu li meta kienu iżgħar, Adonis u Damian kienu ħbieb imma Damian għandu kont li rrid jissetilja ma’ Adonis.

U minn dan il-mument ’l quddiem nintebħu li “Creed III” mhux ser ikun film tal-boxing imma wieħed iddominat mill-ostalità u piena. Hawnhekk, l-idea ta’ kif jiżviluppa l-film tfakkrek fil-karattru ta’ Robert Mitchum f’“Cape Fear” tal-1962 (jew ta’ Robert De Niro fir-remake tal-1991).

“Creed III” hu l-ewwel film tal-isports li ġie ffilmjat bil-cameras IMAX. Dan ta l-opportunita lil Michael B. Jordan bħala direttur li jdaħħal l-udjenza f’kull dettal tal-atmosfera maħluqa, speċjalment waqt il-ġlieda boxing.

Aktar qabel ktibt li Sylvester Stallone ħa għalih meta ġew biex jaħdmu “Creed III”. Mill-ewwel bdew bl-inkwiet. Sylvester Stallone ma qabilx ma l-iscript u d-direzzjoni li riedu jieħdu din il-franchise. Stallone irtira kompletament minn dan il-film u żamm biss it-titlu ta’ producer.

Kellu anke xi jgħid mal-producer Irwin Winkler li ilu wara dan il-franchise sa mill-bidu. Kien Winkler li 47 sena ilu wera fiduċja fl-iscript li kien kiteb Stallone dwar Rocky u flimkien ma’ Robert Chartoff (illum mejjet) kien lest joħroġlu l-flus biex jipproduċulu l-film. Winkler, li llum għandu 92 sena, għadda d-drittijiet kollha tal-franchise ta’ Rocky lill-ibnu David u rrifjuta li jgħaddi xi sehem lil Sylvester Stallone.

“Creed III” hu ikklassifikat 12A minħabba vjolenza moderata u lingwaġġ mhux xieraq.

Il-Unions tkellmu

Fil-jiem li għaddew, il-unions influwenti f’Hollywood għamlu l-għażliet tagħhom li jħallu nfluwenza kbira fuq il-votanti tal-Oscars. Minn għada l-Ħamis jibdew jivvutaw lil min għandu jirbaħ dawn l-unuri prestiġjużi.

Kien hemm verdett unanimu mit-tliet unions kbar meta l-unuri tagħhom kważi kollha marru għal “Everything Everywhere All At Once. Il-union tad-diretturi għażlet lil Danniel Kwan u Daniel Scheinert. Il-produtturi għażlu dan il-film bħala l-aħjar tas-sena.

Iċ-ċirasa fuq il-kejk waslet il-Ħadd mill-Iscreen Actors Guild (SAG). Jamie Lee Curtis (parti sekondarja), Ke Huy Quan (parti sekondarja) filwaqt li Michelle Yeoh (parti prinċipali) kollha rebħu l-unur fil-kategoriji tagħhom. Yeoh hi l-ewwel attriċi Ażjatika li rebħet dan l-unur. Rebħu wkoll l-unur għall-aħjar kast. Dan hu rekord li l-erba’ unuri intrebħu mill-istess film.

Biex tkun serata memorabbli għall-kumpanija żgħira A24, Brendan Fraser għall-parti prinċipali f’“The Whale” rebaħ l-unur fil-kategorija tiegħu.

Sport