Tuesday, May 14, 2024

SENTENZA FIL-QORTI LI SE TKOMPLI TIFRED LILL-PN

Aqra wkoll

Kienu għaddew biss tlett ijiem minn meta ġie fi tmiemu l-Karnival ta’ Malta illi kellna s-sentenza tal-Qorti Ċivili li rrevokat il-konċessjoni li kellhom Steward Healthcare għat-tmexxija ta’ tliet sparijiet Maltin. U propju hawnhekk kien fejn il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu komplew għaddejjin b’ton trijunfali daqslikieku r-re tal-Karnival kien għadu jirrenja f’pajjiżna.

Għaliex qed ngħidu hekk? Għax kulħadd fil-PN ipprova jieħu rikba minn fuq din is-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale meta l-persuna li affronta sidru u fetaħ din kawża kien Adrian Delia biss, waħdu u ħadd iktar. Dakinhar tas-sentenza, il-PN qalilna li d-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili kienet rebħa għal Malta. Jekk kienet rebħa għal xi ħadd żgur li ma kinitx rebħa għall-PN ta’ Bernard Grech. Il-PN mifrud kien u issa iktar se jkompli jinfired u jinqasam.

Għax l-ipokrezija grassa tal-PN ma taf ebda limitu. Dan rajnieh b’għajnejna għal darb’oħra meta dawk li rribellaw biex iqalftu lil Adrian Delia minn kap, dakinhar tal-għoti tas-sentenza tal-qorti kienu bosta li ppuppaw sidirhom biex jifirħu lil Delia. Forsi dawn, għax hekk qablilhom, insew kemm-il qlajja qalgħu fuq Delia. Forsi b’konvenjenza nsew ukoll li marru għand il-President ta’ Malta biex ineħħu lil Delia minn kap tal-oppożizzjoni.

Imma apparti dan kollu, il-PN suppost huwa l-alternattiva għall-Gvern Laburista. Suppost li huwa ppreparat wara għaxar snin fl-oppożizzjoni. Imma fir-realtà, la huwa ppreparat u wisq iktar ma jimmeritahx li jissejjaħ gvern alternattiv. Għaliex lil hinn min-narrattiva tal-korruzzjoni u r-retorika mibnija fuq it-tgħajjir, il-PN ma joffri ebda soluzzjoni għall-ħtiġijiet u l-iżviluppi futuri ta’ pajjiżna.

Għad ma nafux x’viżjoni għandu dwar il-politika ekonomika u finanzjarja bħalma ma nafux lanqas x’inhi l-politika soċjali tiegħu. Lanqas nafu, għax ma ta ebda ħjiel ta’ prova ta’ x’kien jagħmel gvern nazzjonalista kieku kellu jkun iffaċċjat minn pandemija globali jew kif kien jaġixxi quddiem kriżi internazzjonali bħalma ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna.

Li aħna żgur konvinti minnu huwa li jekk xi darba jkun emmnut mill-poplu u jirritorna fil-gvern, il-PN ireġġa’ l-arloġġ lura u jkisser ir-riformi li wettaq Gvern Laburista anki f’dawk li huma libertajiet ċivili. Dan insostnuh bil-fatt meta niftakru illi l-PN ħadha bil-qilla kollha kontra l-parti l-kbira tar-riformi li l-Gvern ta’ Robert Abela ressaq fil-parlament.

Din hi biċċa mir-riċetta sfortunata li jiġi mitmugħ il-poplu jekk il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech xi darba jiġi afdat bit-tmexxija ta’ pajjiżna. Imma sakemm il-maġġoranza tal-poplu tibqa’ tagħraf it-tajjeb kollu li għamel kull Gvern Laburista matul is-snin, m’għandniex dubju li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ mkaħħal mal-bankijiet tal-oppożizzjoni.

Sport