Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Ali Ahmed Elmushraty, Libjan ta’ 31 magħruf bħala “Lilu King”, il-Qorti innutat li l-Prosekuzzjoni għadha ma ressqitx evidenza li turi li Ali kellu rabta ma’ traffikar tad-droga.
Fil-Qorti xehdu diversi Pulizija li fix-xhieda tagħhom qalu li l-akkużat kien imfittex il-Libja b’rabta ma’ akkużi ta’ qtil. Huma qalu ukoll li Elmushraty ġie arrestat flimkien ma’ tnejn oħra waqt rejd tad-droga f’San Ġiljan. Madankollu, ma nstabet l-ebda tip ta’ droga fil-pussess tiegħu.
Il-Qorti qalet li minkejja xhur ta’ sorveljanza, il-pulizija ma sabet ebda evidenza meħtieġa biex jinħarġu akkużi relatati mad-droga fil-konfront ta’ Lilu King. Id-difiża, immexxija mill-Avukat Franco Debono, qalet li f’dan il-każ m’hemmx provi kbar ta’ evidenza ta’ allegazzjonijiet ta’ traffikar tad-droga u ta’ ħasil ta’ flus.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li qed tmexxi dan il-każ qalet li minkejja li kemm-il darba ntqal li l-imputat kien akkużat b’ħasil ta’ flus, bi dħul minn kriminalità organizzata u bi traffikar tad-droga, l-Ispetturi mill-Iskwadra tad-Droga naqsu milli jipprovdu provi dwar dan fil-Qorti.
L-Avukat Antoine Agius Bonnici li qed jirrapreżenta l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali spjega li investigazzjonijiet kumplessi bħal dawn jeħtieġ kawtela fil-proċess. Qal li l-kriminalità organizzata u r-reati tad-droga jieħdu ż-żmien biex jiġu ppruvati.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni fosthom minħabba li l-akkużat kien ivvjaġġa barra minn Malta waqt li kien fuq pleġġ fi proċeduri separati u li minħabba din ir-raġuni, l-akkużat mhux affiddabbli. Kompliet tgħid li hu għandu konnessjonijiet barra l-pajjiż u għalhekk hemm biża’ reali li jista’ jaħrab. Id-difiża qalet li Elmushraty kien ġie lura Malta.
L-avukat Franco Debono li qiegħed jidher għall-akkużat qal li Elmushraty kien lest li jirrispetta kull kundizzjoni tal-Qorti. Kompla jgħid li l-prosekuzzjoni qed issibha diffiċli biex tipproduċi evidenza. Qal li l-unika ħażin ta’ Elmushraty kien li wera l-affarijiet fuq il-midja soċjali u kien hawn fejn irrimarka li dan mhuwiex reat.
Il-każ mistenni jkompli f’Ottubru.
Il-Prosekuzzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Tonjoe Farrugia, Mark Anthony Mercieca u Alfredo Mangion, flimkien mal-Avukati Agius Bonnici u Dejan Darmanin mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.