Friday, May 3, 2024

Festival li jservi ta’ xprun biex tkompli tiġġedded il-letteratura

— Leanne Ellul, Direttriċi Artistika ta' Inizjamed u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta

Aqra wkoll

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta huwa avveniment annwali li jagħti kontribut importanti sabiex tibqa’ tiġġedded il-letteratura, kemm lokalment kif ukoll ‘il barra minn xtutna. Dan għaliex kemm ix-xogħlijiet tal-awturi Maltin kif ukoll dawk barranin li jieħdu sehem f’dan il-Festival, jiġu tradotti b’ilsna differenti u b’hekk apparti li jkun hemm żieda fl-udjenza (i.e. fil-qarrejja), nipprovdu wkoll viżjoni wiesgħa minħabba li jkunu inkorporati kulturi u avvenimenti differenti minn pajjiżi oħra.

“Il-kittieba jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom permezz ta’ laboratorji tat-traduzzjoni li matulhom jittraduċu x-xogħol ta’ xulxin. Dan huwa mod kif nimportaw il-letteratura imma wkoll mod kif nesportawha lil hinn minn xtutna,” fissritilna Leanne Ellul – Direttriċi Artistika ta’ Inizjamed u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, f’kummenti li tat lil dan lil dan is-sit.

Hija kompliet tgħidilna li dan il-Festival joffri spazju fejn il-kittieba jiddjalogaw bejniethom u jaqsmu l-ħsibijiet, l-emozzjonijiet u l-valuri tagħhom. B’hekk, sussegwentement, il-lingwi differenti jservu bħala għodda biex jinħoloq kapulavur letterarju billi jiġu skambjati ideat dwar “ġrajjiet kurrenti, id-dinja letterarja, il-ħajja stess u l-kliem innifsu,” fost l-oħrajn. 

“Il-kittieba barranin ta’ spiss jintrigaw ruħhom bil-lingwa nfisha u mbagħad bil-mod kif titħaddem fil-poeżija, u kif ċerti testi huma kkargati b’poetiċità liema bħalha,” kompliet tgħidilna Leanne. 

Hija rrimarkat ukoll li l-kittieba jaqsmu xogħolhom mal-udjenzi li x-xogħol ikun maħsub għalihom, u għalhekk huwa f’dan il-punt fejn jidħol l-irwol tal-qarrej biex jisma’, jaħseb, u jġarrab mal-awtur/i stess: “Dawn il-mumenti jbexxqulna t-tieqa għal pajjiżi oħra, għall-mużikalità ta’ lingwi oħra, għat-test bħala att politiku mdakkar minn avvenimenti u ġrajjiet kurrenti … u l-mod kif il-kliem imqiegħed fejn għandu jitqiegħed jittraxxendi ż-żmien u l-ispazju”.

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura huwa neċessità

“Festivals bħall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta mhumiex kapriċċ imma bżonn; mhumiex lussu żejjed imma neċessità,” saħqet Leanne ma’ dan il-ġurnal. 

Hija ġġustifikat din id-dikjarazzjoni billi fissret li festivals ta’ dan it-tip jiffaċilitaw skambji li kieku af ma jseħħux, u li għaldaqstant bl-isforz ta’ ftit nies dedikati immens “jixprunaw id-diskussjonijiet li kultant jiskomodaw, imma daqstant ieħor huma vitali”.

“Festivals bħal dan joffru spazju biex il-kelma ma tibqax sempliċement tħarbixa fuq karta, imma tieħu l-ħajja b’diversi modi: bil-qari, bl-immaġnijiet, bil-mużika,” kompliet tgħidilna.

Hawnhekk hija għamlet referenza għal Adrian Grima — wieħed mill-fundaturi ta’ Inizjamed u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta — li kien jgħid dan il-kliem preċiż: “Il-poeżija m’għandha bżonn xejn. Poeżija qawwija tmissek minnha nfiha. Imma kemm hu sabiħ li nittraduċuha, mhux biss minn lingwa għal oħra, imma anke minn ġeneru għal ieħor. Ir-rikkezza ta’ kulturi li jiltaqgħu flimkien fil-kelma tradotta tibqa’ tmissna kull darba b’modi ġodda wkoll”.

Żieda fl-opportunitajiet għat-titjib fil-ħiliet tal-kitba u l-pubblikazzjoni … però “l-pubblikazzjoni mhix il-bidu u t-tmiem”

Mistoqsija dwar l-opportunitajiet offruti liż-żgħażagħ sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom fil-kitba u eventwalment anki l-possibbiltà tal-pubblikazzjoni ta’ wħud minn dawn ix-xogħlijiet miktuba minnhom, hija qaltilna li nnutat diversi titjib  kif ukoll żieda fl-opportunijiet. Din l-osservazzjoni għamlitha wkoll fid-dawl li meta ħarġet l-ewwel pubblikazzjoni ta’ xogħolha, hija kellha 21 sena.

Intant, hija qaltilna li llum il-ġurnata, dawk il-persuni li għandhom il-kitba għal qalbhom, jeżistu spazji fejn permezz tagħhom jistgħu jippubblikaw xogħolhom ta’ età iżgħar milli kienet hi. 

“Naturalment, il-pubblikazzjoni mhix il-bidu u t-tmiem, u l-proċess huwa daqs – jekk mhux iktar – importanti. Il-pubblikazzjoni lanqas ma tfisser biss l-istampar u l-karta, u għalhekk avvenimenti bħall-palk ħieles li torganizza Inizjamed ifittex li jressaq qrib vuċijiet b’esperjenza ma’ vuċijiet ġodda,” fissret Leanne.

Hija semmitilna wkoll lill-Aġenzija Żgħażagħ, entità li skont Leanne tagħmel ċert li ż-żgħażagħ jitgħallmu minn persuni b’esperjenza, jiddakkru minnhom u li verament jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex jikbru b’mod sħiħ. 

Leannne saħqet li “Mhux biss tajjeb li jkun hemm opportunitajiet, imma jkunu diversifikati, u għaqdiet bħal Inizjamed stess u l-Għaqda tal-Malti – Università jfittxu li jaraw x’inhuma l-aħħar u l-aħjar prattiċi sabiex joffru taħriġ li jiftaħ l-orizzonti taż-żgħażagħ tagħna”.

“Meta nitkellmu fuq udjenzi naħsbu biex niġbdu udjenzi ġodda imma wkoll insaħħu r-rabtiet li diġà għandna ma’ udjenzi li jirritornaw, sena wara sena”

Leanne qaltilna li għalkemm il-konkorrenza għal dan il-Festival hija pjuttost sabiħa, min-naħa tagħhom il-ħidma ma tieqaf qatt biex ikomplu jilħqu iktar nies “għax fuq kollox nemmnu fil-qawwa li għandha l-letteratura”.

B’rabta ma’ dan hija semmiet punt importanti u tassew validu għaliex fissret li: “Meta nitkellmu fuq udjenzi naħsbu biex niġbdu udjenzi ġodda imma wkoll insaħħu r-rabtiet li diġà għandna ma’ udjenzi li jirritornaw, sena wara sena”. 

Għalkemm f’okkażjonijiet bħal dawn huwa sabiħ li jkun hemm l-involviment tad-demm żagħżugħ, Leanne tħeġġeġ lil nies ta’ età iktar avvanzata sabiex ma joqogħdux lura: “Nieħdu wisq gost meta naraw tant żgħażagħ imma wkoll nies ta’ età ikbar li joqorbu lejn xulxin permezz tal-letteratura u nittamaw li ta’ kull sena, persuna ġġib lil oħra u l-kelma tibqa’ timxi … jew tiġri!”

Il-proġett ‘Niġru Ġrajja’ u s-sorpriżi mħejjija għall-25 anniversarju ta’ Inizjamed

Leanne qalet mas-sit Talk.mt li apparti din l-attività tal-Festival Mediterranju, bħalissa jinsabu għaddejjin bil-proġett ‘Niġru Ġrajja’ li huwa kkordinat minn Jean Paul Borg; proġett li qed ilaqqa’ flimkien l-istejjer tal-immigranti, it-tfal u l-anzjani, jislet mingħandhom narrattivi li altrimenti forsi qatt ma konna nisimgħuhom u kienu jintilfu. 

Fl-istess waqt, hija qaltilna li minn żmien għall-ieħor iżommu l-appuntament tagħhom biex jorganizzaw il-palk ħieles.

Hija żvelat ukoll li Inizjamed ħejjiet xi sorpriżi għall-qarrejja hekk kif din is-sena se tiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha!

DETTALJI DWAR IL-FESTIVAL

Dan il-Festival huwa mifrux fuq sitt ijiem; beda t-Tnejn li għadda u jiġi fi tmiemu s-Sibt li ġej, 26 ta’ Awwissu. Il-qofol tiegħu tiegħu jintlaħaq fl-aħħar tlett ijiem li se jittellgħu kollha fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta. Id-dħul tal-Ġimgħa u s-Sibt huwa bil-ħlas. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn showshappening minn din il-ħolqa: https://www.showshappening.com/inizjamed/fmlm23.

L-awturi mistiedna għall-edizzjoni ta’ din is-sena  huma seba’: tlieta Maltin — Claudia Gauci, Maria Grech Ganado u Simone Inguanez, u erba’ barranin — Tanja Bakić mill-Montenegro, Adania Shibli mill-Palestina, Joelle Taylor mill-Ingilterra u Karin Tidbeck mill-Iżvezja. Il-maġġorparti tal-qari se jsir biż-żewġ lingwi uffiċjali, il-Malti u l-Ingliż, però se jinqraw ukoll xi xogħlijiet qosra b’lingwa oħra.

Apparti l-qari, il-Festival jinkludi wkoll films tal-poeżija, banda bil-mużika jazz, kantanti lokali, kotba mingħand Mallia & D’Amato, ikel u xorb.

Dan il-Festival qed jittella’ bl-għajnuna ta’ fondi mill-mill-‘Investment in Cultural Organisations’ tal-Kunsill Malti għall-Arti, kif ukoll parti mill-pjattaforma ‘Literary Europe Live’ ffinanzjata mill-programm ‘Ewropa Kreattiva’ u mmexxija minn ‘Literature Across Frontiers, u għajnuna oħra provduta mill-Valletta Design Cluster, Heritage Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università u l-Ambaxxata tal-Polonja. 

Għal iżjed dettalji tistgħu żżuru s-sit https://www.inizjamed.org/?fbclid=IwAR0G7Iy7TesXIVlB6h5RmoGe92vpyLuThFz6-ZSrYJyCqu5Jl61uNs6JYrc jew il-paġna ta’ Facebook:https://www.facebook.com/events/1245180072854993

Sport