Bla tlaqliq il-Qorti tqis illi x-xhieda tal-espert Jeremy Harbinson hija meħtieġa b’mod indispensabbli. Hekk iddikjarat ilbieraħ il-Maġistrat Rachel Montebello f’digriet li tat b’rabta max-xhieda tal-istess Harbinson.
Il-Maġistrat Montebello qalet illi Harbinson huwa l-awtur prinċipali tar-rapport estensiv li fuq il-bażi tiegħu nħargu akkużi fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, waqt li żiedet illi minkejja dan, il-prospett li jiġi Malta biex jixhed volontarjament huwa wieħed prattikament ineżistenti. Irrimarkat ukoll illi Harbinson baqa’ ma osservax l-ordni mogħtija mill-Qorti f’Jannar illi għadda sabiex jippreżenta dokumenti li jsostnu l-impossibbilità tiegħu li jivvjaġġa lejn Malta.
Il-Maġistrat Montebello qalet illi huwa fl-interess suprem mhux biss tal-akkużati iżda wkoll tas-soċjetà li l-proċeduri kriminali jiġu riżolti bl-iktar mod effikaċji, effiċjenti u spedizzjuż. Dan l-interess ikun imminat serjament f’każ li l-proċeduri ma jkunux jistghu jinbdew jew ikomplu minħabba li xi xhud ma jkunx disponibbli jew jirrifjuta illi jkun preżenti biex jixhed direttament quddiem il-Qorti.
F’ċirkostanzi illi Harbinson mhuwiex dispost li jivvjaġġa lejn Malta, il-Qorti hija fid-dmir li tagħmel dak kollu possibbli biex tassigura li x-xhud jixhed fil-preżenza tal-akkużati. Il-Maġistrat żiedet illi f’dan l-istadju jidher li l-uniku triq vijabbli u realistika biex Harbinson jinġieb jixhed mill-iktar fis u biex jiġi evitat dewmien żejjed fil-proċeduri, hija l-eżekuzzjoni tal-ittri rogatorji.
B’dan il-mod l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti fir-Renju Unit jintalbu jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex Jeremy Harbinson jinġieb quddiemhom biex jixhed b’kollegament awdjo-viżwali dirett mal-Qorti f’Malta fil-preżenza tal-akkuzati.
Il-Maġistrat irrikonoxxiet illi l-ittri rogatorji huma miżura straordinarja u eċċezzjoni għar-regola stipolata li kull xhud għandu jiġi eżaminat “fil-qorti u viva voce”. Izda fil-fehma tal-Qorti, ix-xhieda ta’ Harbinson bil-mezz ta’ rogatorja permezz ta’ kollegament awdjo-viżwali, ma timminax il-pożizzjoni u ma toħloqx xi żvantaġġ tad-difiża.
Fuq din il-bażi, il-Magistrat Montebello ordnat li l-ittra rogatorja għall-għajnuna legali tintbghat mill-Avukat Ġenerali lill-awtoritajiet kompetenti fir-Renju Unit.