Wara li l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals Jeremy Harbinson qed jibqa’ jirrifjuta li jixhed u wara li l-avukati tiegħu issa ma jridux jgħidu fejn qiegħed, il-Maġistrat Leonard Caruana ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiftaħ investigazzjoni bil-għan li jkun determinat fejn jinsab Harbinson.
F’digriet, il-Maġistrat Caruana qal li Harbinson irid jinstab bil-għan li jagħti x-xhieda tiegħu kif inhu obbligat li jagħmel taħt il-ligi Maltija, bħal kull xhud ieħor. Il-Maġistrat qal li waqt li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta kien infomat li Harbinson ma jinsabx fir-Renju Unit, mhux magħruf jekk il-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq għamlitx l-investigazzjoni tagħha biex tikkonferma jekk dan hux minnu. Il-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq kienet qalet li qed tqis dan bħala każ magħluq.
Waħda mir-raġunijiet li Harbinson kien ġab bil-għan li ma jixhidx kienet dik li kien sejjaħ bħala l-kundizzjoni medika ta’ martu li kien qal li kienet ta’ theddida għall-ħajja tagħha. Kien qal li kellu bżonn ikun qrib ta’ martu l-ħin kollu u għalhekk ma setax jinvolvi ruħu fi proċeduri legali bil-konsegwenza li jkun assenti mid-dar għal żmien twil.
L-espert Irlandiż kien saħansitra ddikjara li dawk li kien ddeskriva bħala l-pressjoni u l-istress riżultat tat-talbiet li kienu qed isiru minn Malta affettwaw ħażin kemm il-kundizzjoni medika ta’ martu u wkoll is-saħħa mentali tiegħu u tagħha. Il-Qorti kienet ordnat lil Harbinson sabiex jipprovdi ċertifikati dwar il-kundizzjoni medika tal-mara, xi ħaġa li iżda baqa’ qatt m’għamel.
Fid-digriet tal-Maġistrat Caruana jintqal li l-Qorti ma tafx lanqas jekk Harbinson ġiex notifikat formalment b’data u post biex jagħti x-xhieda tiegħu. U dan għaliex l-awtoritajiet ġudizzjarji Ingliżi qalu li l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq tkellmu mal-avukati tiegħu u ma hemmx indikazzjoni li tkellmu miegħu direttament jew li ie notifikat huwa personalment sabiex jixhed fil-proċeduri li għaddejjin f’Malta.
Il-Qorti rrimarkat li ma tafx lanqas jekk it-talba li saret lill-avukati tal-espert Irlandiż, ghandix il-piz ta’ notifika ufficjali fl-Irlanda ta’ Fuq. Il-Maġistrat Caruana żied illi waqt li bil-liġi Maltija, Harbinson huwa marbut li jixhed, huwa ma jafx x’inhi l-pozizzjoni tal-espert Irlandiż taħt il-liġijiet tal-Irlanda ta’ Fuq.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti talbet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jistaqsi lill-awtoritajiet gudizzjarji Ingliżi jekk jikkunsidrawx li Jeremy Harbinson hux notifikat uffiċjalment biex jagħti x-xhieda tiegħu fil-proċeduri f’Malta, jekk għandux dritt legali li jirrifjuta li jixhed u jekk għażilx diġà li jeżerċita dan id-dritt u jekk jirriżulta li m’għandux dan id-dritt x’passi ħadu u se jibqgħu jiehħdu fil-konfront tal-espert Irlandiż.
Għar-rapport tal-inkjesta Vitals. Jeremy Harbinson tħallas €11-il miljun. L-inkjesta damet għaddejja ħames snin u kienet ippubblikata fil-bidu ta’ Mejju tal-2024. Iktar tard fl-istess xahar meta kien fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, numru kbir ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tressqu l-Qorti fejn qed jiffaċċjaw sensiela twila ta’ akkużi mill-iktar serji.

