Wednesday, July 24, 2024

Il-Qorti tordna l-arrest tal-aħwa Degiorgio

… wara li rrifjutaw li jixhdu fil-każ kontra Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Maġistrat ordnat li jittieħdu passi fil-Qorti kontra l-aħwa Alfred u George Degiorgio wara li dawn irrijfutaw li jixhdu fil-proċeduri kriminali kontra Yorgen Fenech.
Fenech qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta mal-allegat involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia filwaqt li l-aħwa Degiorgio bħalissa qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena ħabs wara li kienu ammettew li wettqu dan id-delitt.

Meta fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Fenech, l-ewwel li daħal fl-awla kien Alfred Degiorgio. Meta l-Maġistrat Rachel Montebello informatu li huwa kien ordnat mill-Qorti Kriminali biex jixhed, huwa wieġeb li “f’dan l-istadju” jagħżel li ma jagħmilx dan.

Il-Maġistrat Montebello spjegatlu li peress li l-proċeduri kontrih kienu għalqu, ma kellux għażla oħra ħlief li jixhed. Degiorgio rribatta billi qal li hu u ħuh fetħu proċeduri quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn qegħdin jikkontestaw il-ġuri tagħhom.

“Mhux qed ngħid li mhux se nixhed. Iżda f’dan l-istadju nagħżel li ma nixhidx,” stqarr Alfred Degiorgio. Kien hawn fejn il-Qorti ordnat l-arrest immedjat tiegħu u biex fi żmien 48 siegħa l-pulizija jressquh talli rrifjuta li jobda ordni tal-qorti.
Warajh iddaħħal fl-awla George Degiorgio, u tenna kif qal ħuh, li huma “għandhom kawża kostituzzjonali.”

Il-Maġistrat Montebello qaltlu li kien id-dmir tiegħu li jixhed u jekk ma jagħmilx hekk huwa reat kriminali. Meta semgħetu jgħid li ma kienx se jixhed ordnat l-arrest mill-ġdid tiegħu u sabiex il-pulizija jipproċeduri kontrih ukoll.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Anthony Vella u Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mas-Supretendent Keith Arnaud. L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Fenech. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comidini Cachia qed jidhru parte civile.

Ekonomija

Sport