Wednesday, July 24, 2024

Inwettqu Flimkien: Inkomplu ninvestu fil-kura tas-saħħa tat-tfal

Aqra wkoll

Ġie estiż għall-iskejjel kollha tal-Istat f’Malta u Għawdex il-programm ta’ screening tal-podopedjatrija li jivvaluta s-saħħa tas-saqajn tat-tfal. Dan tħabbar fi żjara li saret fil-Kulleġġ Santa Klara f’Tas-Sliema mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Fil-bidu tas-sena kien ġie introdott proġett pilota għal din l-inizjattiva f’numru ta’ skejjel bil-għan li tivvaluta s-saħħa tas-saqajn minn kmieni tat-tfal li għandhom bejn sitta u seba’ snin. Ġie spjegat kif il-proġett pilota involva eżaminazzjoni ta’ 235 student li minnhom 24 student ġew riferuti għal aktar konsultazzjoni fiċ-Ċentru ta’ Eċċellenza Podopaediatrics f’Birkirkara fejn qed jirċievu kura speċjalizzata biex jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa f’din l-inizjattiva tfisser impenn għall-benesseri ġenerali tal-istudenti, li tiżgura pedament b’saħħtu għall-futur tagħhom. “Sforzi kontinwi fl-iscreenings podopedijatriċi huma essenzjali għall-promozzjoni ta’ approċċ proattiv għas-saħħa tas-saqajn pedjatriċi fi ħdan il-komunità,” tenna l-Ministru Abela.

Huwa spjega kif il-kura tas-saqajn minn età żgħira hi importanti ħafna għax timpatta lil persuna iktar ma jikber fl-età. “Inħarsu ’l quddiem sabiex dan il-programm jiġi estiż ukoll fl-iskejjel tal-knisja u fl-iskejjel indipendenti biex b’kollaborazzjoni flimkien, inkomplu nwettqu u noffru kura tas-saħħa għal-ġid tal-komunità,” temm jgħid il-Ministru Abela 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal li kollaborazzjoni bejn ministeri u entitajiet governattivi qed iwasslu biex itejbu l-benesseri tal-istudenti fl-iskejjel. “Din hija kollaborazzjoni oħra li qed tagħti l-frott f’settur importanti, is-saħħa tat-tfal tagħna,” qal il-Ministru Grima. 

Huwa tkellem dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 il-ġdida u qal li l-pilastru ewlieni f’din l-istrateġija huwa l-Benesseri. “Il-benesseri tal-istudenti huma ċentrali fl-Istrateġija, parti mill-impenn tagħna lejn approċċ li jpoġġi lill-persuni fiċ-ċentru. Benesseri li huma wkoll marbutin mas-saħħa tal-istudenti u għalhekk l-istrateġija tara li jkun hemm żieda fil-ħin u l-kwalità tal-attività fiżika fl-edukazzjoni obbligatorja, imma wkoll il-ħarsien tas-saħħa tal-istudenti”, temm jgħid il-Ministru Grima.

Ekonomija

Sport