Friday, November 15, 2024

Il-Qorti twaqqaf direttiva tal-MUMN li timblokka d-dħul tal-anzjani f’San Vinċenz

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ntqal li l-Ministeru jilqa’  b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti li laqgħet l-mandat ta’ inibizzjoni kontra d-direttiva tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, li kienet qed timblokka d-dħul ta’ pazjenti f’San Vinċenz de Paul u fi djar oħra tal-Gvern.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li din id-direttiva kienet qed tfixkel il-provvediment ta’ servizzi essenzjali lill-anzjani bir-riżultat li kienet se toħloq problemi kbar anke fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.

“Il-kura tal-anzjani hija servizz essenzjali li qatt m’għandu jkun preġudikat. Din hija deċiżjoni favur l-anjzani ta’ pajjiżna”, saħaq il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela hu u jaċċenna li jibqa’ dejjem dispost għal djalogu li fih jitħarsu l-interessi tal-partijiet involuti kollha marbuta mal-qasam tal-anzjani.

L-MUMN kienet irrikorriet għal din id-direttiva f’Awwissu li għadda wara li membru tagħha kien ġie sospiż mill-impjieg tiegħu, minħabba l-għajbien ta’ Carmelo Fino. L-anzjan ta’ 83 sena, li kien residenti f’San Vinċenz, kien ħareġ mid-dar f’nofs ta’ lejl u nstab mejjet ġimagħatejn wara.

Ekonomija

Sport