Sunday, December 22, 2024

Il-UEFA trid tikkastiga kull tentattiv li jqarraq bir-referees

Aqra wkoll

Il-UEFA trid tikkastiga kull tentattiv li “jqarraq” bir-referees b’“atti ta’ simulazzjoni jew inkella reazzjonijiet żejda għal fouls ta’ kuntatt ħafif” meta l-ġimgħa d-dieħla jingħata bidu għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League.

“Dan jirrappreżenta kondotta inġusta mill-players kontra l-kollegi tagħhom – eżempju ħażin ta’ imġieba ta’ nuqqas ta’ rispett,” qal il-kap uffiċjal tar-referees tal-UEFA, Roberto Rosetti fi stqarrija.

L-uffiċjali tal-logħba ġew imħeġġa biex ikunu intelliġenti u juru ponn tal-ħadid għal kull foul qarrieqi.

“Huwa kruċjali li r-referees ikunu kapaċi jaqraw il-logħba u jifhmu l-ispirtu tal-logħob f’dawn is-sitwazzjonijiet,” qal Rosetti, Taljan li rreferija l-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-2008 u l-logħob fit-Tazza tad-Dinja fl-2006 u l-2010.

Il-UEFA trid ukoll li r-referees jirrestrinġu lill-players li jattakkaw lill-uffiċjali tal-partita biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u l-konfronti tal-massa li jinvolvu players u coaches.

“Aħna determinati li nipproteġu l-immaġni tal-football,” qal Rosetti, “u nqisu ċerti tipi ta’ mġieba fil-ground u fuq il-bankijiet tas-sostituti bħala inaċċettabbli.

“Irridu li l-uffiċjali tagħna jibqgħu umlin, iżommu saqajhom mal-art, jaħdmu iebes, ikunu dixxiplinati, jiffokaw fuq l-objettivi, u jkunu b’saħħithom u rispettużi,” temm jgħid Rosetti.

Fil-logħob taċ-Champions League, ir-referees issa se jkunu megħjuna minn Semi-Automated Offside Technology li tiġġudika sejħiet stretti billi tuża kameras multipli li jsegwu riġlejn il-players. Is-sistema se tintuża wkoll mill-FIFA fit-Tazza tad-Dinja fil-Qatar aktar tard din is-sena.

Ekonomija

Sport