Saturday, December 21, 2024

“Il-UPE trid tibqa’ fi status quo?”

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fil-GWU temmen li hemm lok ta’ titjib għall-edukaturi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’attakk li l-ewwel beda fuq is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni ġdida fil-General Workers’ Union (GWU) u mbagħad dar fuq il-Malta Union of Teachers (MUT), l-Unjoni tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) qiegħda turi biċ-ċar li l-unika interess li għandha huwa dak tal-konfrontazzjoni aktar milli dak ta’ għaqda fost l-unjins tal-edukaturi li żgur, flimkien u b’kollaborazzjoni bejniethom, jistgħu jgħinu ħafna lill-edukaturi f’Malta.

F’artiklu li ppubblikat fil-paġna tagħha l-UPE bdiet b’dikjarazzjoni kompletament żbaljata fejn qalet li s-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU mhiex irreġistrata meta l-General Workers’ Union hija uffiċjalment l-akbar trade unjin f’Malta. 

L-attakk mill-UPE ħareġ wara li dan is-sit ippubblika artiklu dwar id-diskrepanza li hemm fil-paga bejn l-edukaturi tas-snin bikrin minn kollegi oħra tagħhom fl-istess settur. Il-UPE insinwat li din is-sezzjoni tal-GWU qiegħda tipprova tgħaddi informazzjoni skorretta lill-edukaturi u lill-poplu. Pullicino min-naħa tiegħu rribatta li d-diskrepanza fil-ħlas u n-nuqqas ta’ stima, kif ukoll il-problema tal-warrant, huma fatt u li l-għan wara l-intervent tiegħu huwa li dan il-fatt ikun magħruf pubblikament u fejn possibbli, indirizzat.

“Qishom irrassenjaw ruħhom”

“Minn dak li qalet il-UPE huwa ċar kristall li trid tibqa’ fi status quo. Qiegħda taċċetta s-sitwazzjoni kif inhi qishom irrassenjaw ruħhom minn bidliet pożittivi li jistgħu jagħmlu l-professjoni tal-edukaturi waħda aħjar u aktar attraenti għal dawk li jidħlu għaliha. Aħna nemmnu li, iva, hemm lok ta’ tibdil u titjib… dan mhux se jintlaħaq jekk isiru attakki bħal dawn. Ikun aktar matur li bħala unjins ngħaqdu l-forzi tagħna biex ix-xogħol tagħna bħala rappreżentanti jkun wieħed effettiv u verament fl-interess tal-edukaturi,” sostna Pullicino.

F’dan ir-rigward Pullicino qal li l-UPE għażlet tħaddan status quo quddiem ir-realtà fl-edukazzjoni, speċjalment fejn jidħlu l-edukaturi li jaħdmu fl-etajiet bikrin. “Fl-artiklu tagħhom b’reazzjoni għal dak li ktibna aħna, l-UPE qiegħda tisħaq u tammetti li ma tantx hemm x’tagħmel biex issaħħaħ l-professjoni tal-edukaturi f’dan is-settur. Dan ir-raġunament juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ esperjenza trade unjonistika li huma għandhom u li din issarraf f’rassenjazzjoni. Għalhekk ikollna ngħidu jew li huma kuntenti b’dak li kisbu jew waqfu jaqdfu ‘l quddiem għall-membri tagħhom,” kompla Pullicino.

L-MUT attakkata wkoll

Fil-kritika tagħha l-UPE ma naqsitx li tattakka wkoll lill-MUT fejn tefgħet it-tort tas-sitwazzjoni tal-pagi fuqha minħabba li kienet hija li ffirmat il-ftehim settorjali fl-2017. Fl-istess ħin ma naqsitx li tisħaq kemm il-UPE taħdem qatigħ biex il-membri jkun rrappreżentati minn unjin kompetenti li skont hija, il-UPE hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi dan lil min jissieħeb magħha.

Pullicino saħaq li ladarba l-UPE stess tammetti li hemm affarijiet li jistgħu jittranġaw fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi Maltin u Għawdxin, ikun tajjeb li wieħed ipoġġi fuq il-mejda u jiddiskuti, iqajjem għarfien.

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU saħqet li, “għalhekk f’dan kollhu u b’esperjenza tal-ikbar trade unjin, aħna nemmnu li l-edukatturi fl-etajiet bikrin ħaqqhom aħjar. Dan għax il-professjoni tagħhom mhux biss hija waħda nobbli u ta’ min jammiraha, imma fuq kollox għax l-edukazzjoni fl-etajiet bikkrin hija kruċjali biex nibnu soċjetà b’saħħita u sostennibli”.

Ekonomija

Sport