Wednesday, May 8, 2024

Erbgħa fil-Qorti b’rabta mat-tiġrif ta’ binja fil-Mellieħa

… ġew mixlija wkoll li kkawżaw feriti ħfief fuq waħda mir-residenti

Aqra wkoll

Perit, żviluppatur u żewġ kuntratturi tressqu l-Qorti b’rabta mal-inċident li fih iġġarrfet binja ta’ erba’ sulari fil-Mellieħa lura f’Ġunju tal-2019, fejn anzjana spiċċat ukoll maqbuda fit-tifrik.

Il-Perit Anthony Fenech Vella ta’ 72 sena, l-iżviluppatur Godwin Mifsud ta’ 64 sena u l-kuntratturi Bartholomew Micallef u Joseph Gatt, it-tnejn ta’ 50 sena, tressqu lbieraħ quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.

Huma ġew akkużati li darbu ħafif lil waħda mir-residenti, kif ukoll li kkawżaw ħsara fil-proprjetà tagħha u ta’ tlieta residenti oħra minħabba negliġenza tagħhom. 

Il-binja kienet iġġarrfet nhar it-8 ta’ Ġunju 2019, għall-ħabta tas-6.00 a.m. fejn il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellhom iwettqu operazzjoni delikata ferm biex setgħu joħorġu lill-mara minn qalb it-tifrik. Biswit din il-binja kien qed isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qiegħda titmexxa mill-Ispettur Clayton Camilleri. L-Avukati Giannella de Marco, Natalino Caruana De Brincat, Chris Cilia u Paul Farrugia qed jidhru għall-imputati.

Il-każ ikompli f’Ottubru. 

Sport