Sa issa diġà hemm aktar minn 3,000 tifel u tifla ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li huma mlaqqma
“Il-vaċċin jgħin biex jitnaqqsu l-infezzjonijiet imma l-aktar li jagħmel huwa li jnaqqas iċ-ċans li persuna tidħol l-isptar, inaqqas iċ-ċans li tidħol l-ITU u jnaqqas iċ-ċans li persuna tmut”
Hekk qal it-Tabib Ewlieni tal-Gvern Walter Busuttil meta dalgħodu kien qed jitkellem fuq programm fuq l-istazzjon nazzjonali.
Mistoqsi jekk jinsabx kuntent bin-nies li qed jersqu biex jieħdu l-booster u għall-vaċċin għall-ewwel darba, huwa rrikonoxxa l-fatt li għad hemm min mhux ivvaċċinat u sostna li r-riskju tagħhom li jmutu huwa akbar minn dawk li ħadu t-tilqim. F’dan ir-rigward, filwaqt li qal li dan jgħodd għal dawk kollha minn 18-il sena ‘il fuq, huwa spjega li l-persentaġġ ivarja u jiddependi ħafna mill-età li jkollha l-persuna. Fil-fatt speċifika li aktar ma persuna tkun kbira fl-età, akbar ikun iċ-ċans.
Żied jgħid li jikkalkulaw li għad hemm madwar 6% tal-adulti f’Malta li għadhom ma ħadux it-tilqima u qal li dan in-numru mistenni jonqos ladarba jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda f’nofs Jannar. “Nassumi li l-ammont ta’ persuni li se jersqu għall-vaċċin ħa jkompli jiżdied. Anke n-numru ta’ dawk li qed jieħdu l-booster qed jiżdied. Aħna għandna pjan li sal-aħħar ta’ din is-sena tkun tlaqqmet nofs il-popolazzjoni adulta kollha. F’dawn l-aħħar jiem tajna aktar minn 8,000 vaċċin kuljum, bħala boosters.”
Rigward il-vaċċin tat-tfal, huwa qal li l-andament sejjer tajjeb tant li s’issa hemm aktar minn 3,000 tfal li għandhom bejn ħames snin u 11-il sena li huma vaċċinati.
“Meta nqabblu ma’ kif qegħdin issa ma kif konna sentejn ilu nistgħu ngħidu li issa għandna vaċċin. Nafu li l-vaċċin jaħdem, għax ħafna nies jaħsbu li ma taħdimx għax in-numri huma kbar. Il-vaċċin jaħdem biex in-numru ta’ mwiet ikun żgħir mhux in-numru ta’ infezzjonijiet. Iva l-vaċċin jgħin biex jitnaqqsu l-infezzjonijiet imma l-aktar li jagħmel huwa li jnaqqas iċ-ċans li persuna tidħol l-isptar, inaqqas iċ-ċans li tidħol l-ITU u jnaqqas iċ-ċans li persuna tmut.