Friday, April 10, 2026

Il-Valletta Green Festival akbar minn qatt qabel … f’Mejju se jittella’ wkoll il-kunċert “L-Aqwa 20 tal-Maltin”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-12-il edizzjoni tal-Valletta Green Festival se tkun l-akbar waħda minn kemm ilu jiġu organizzat dan il-festival mill-2014 ’l hawn. Fil-fatt, attrazzjoni ġdida għall-Belt Valletta se tkun installazzjoni kbira tal-fjuri fid-daħla tal-Belt Valletta u quddiem il-Parlament. Dan se jwitti t-triq għall-ġnien tal-ħolm fi Pjazza San Ġorġ, mit-30 t’April sal-10 ta’ Mejju 2026. 

Intant, avveniment ieħor ewlieni ta’ importanza nazzjonali fil-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta se jkun il-kunċert mistenni L-Aqwa 20 tal-Maltin li se jsir fi Pjazza San Ġorġ nhar it-30 ta’ Mejju 2026. L-Aqwa 20 tal-Maltin jinkludi 20 kanzunetta kif ivvutati permezz tal-vot tal-pubbliku is-sena l-oħra u jkopri 20 kanzunetta Maltija kollha klassiċi tal-perjodu bejn l-1975 u l-2005.

Id-dettalji ta’ dawn iż-żewġ avvenimenti tħabbru mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata fost oħrajn mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u miċ-Ċermen tal-VCA Jason Micallef. 

Fid-diskors tiegħu, Micallef qal li dawn iż-żewġ avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali tal-Belt Valletta jkomplu jenfasizzaw ir-rwol vitali tal-kultura għall-futur aktar sostenibbli. Huma joffru pjattaforma sinifikanti u li tistieden udjenzi wiesgħa, billi jiffokaw fuq dak li verament jimporta speċjalment l-ambjent tagħna u r-riġenerazzjoni sħiħa tal-ekonomija, is-soċjetà u l-identità kulturali tagħna.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici stqarr li dawn l-avvenimenti jinkorporaw fihom żewġ aspetti li huma ferm għal qalb il-Maltin – l-aspett ambjentali u s-sbuħija tal-mużika Maltija. “M’għandix dubju li dawn huma avvenimenti li se jpoġġu lill-Belt Valletta bħala post fejn wieħed ikompli jgawdi l-kultura,” tenna l-Ministru Bonnici.

Festival li se jerġa’ jittrasforma l-Belt Valletta fi ġnien ħaj

Il-Valletta Green Festival 2026 se jerġa’ jittrasforma l-Belt Valletta fi ġnien ħaj. Magħruf għall-installazzjonijiet impressjonanti tiegħu u l-messaġġ ambjentali qawwi, il-festival se jiffoka fuq is-sostenibbiltà, it-tħaddir urban u l-involviment tal-komunità.

Dawk kollha li se jżuru l-Belt Valletta f’dawn il-ġranet se jesperjenzaw ġnien interattiv mill-isbaħ, bosta inizjattivi edukattivi, programm divers imfassal biex jinkoraġġixxi għajxien aħjar u l-EcoMarket ta’ kuljum tul Triq it-Teatru l-Qadim, li se jinkludi prodotti sostenibbli u magħmula lokalment. 

Se jkun hemm ukoll face painting u workshops għat-tfal b’xejn, fosthom arti biċ-ċagħaq u oġġetti riċiklati, fl-1, it-2, it-3, id-9 u l-10 ta’ Mejju, bejn il-11am u s-2pm. Il-programm ta’ din is-sena jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Derek Garden Centre, ERA, Project Green, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, Wasteserv.

Ġie ppreżentat ukoll il-kunċert L-Aqwa 20 tal-Maltin li jiċċelebra l-kanzunetti u l-artisti li sawru s-soundtrack kulturali tan-nazzjon. L-20 kanzunetta l-aktar popolari se jiġu interpretati live f’kunċert minn uħud mill-aktar kantanti lokali stabbiliti akkumpanjati minn orkestra taħt id-direzzjoni tal-Maestro Paul Abela. 

L-Aqwa 20 tal-Maltin tinkludi lineup straordinarju ta’ talent Malti fosthom Sarah Bonnici, Daniel Cauchi, Mike Spiteri, Mary Rose Mallia, Brooke, MARA, Fabrizio Faniello, Georgina, Gillian Attard, Ludwig Galea, Mark Spiteri Lucas, Priscilla Psaila, Ivan Grech, Hermann Bonaci, Mary Spiteri, Ryan Hili, Olivia Lewis u Klinsmann.

Iż-żewġ avvenimenti mistennija jattiraw udjenzi wiesgħa u jkomplu jistabbilixxu lill-Belt Valletta bħala ċentru għal inizjattivi kulturali u ambjentali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport