Wara li l-Knisja Kattolika nhar il-Ħadd fakkret Ħadd il-Palm, matul din il-ġimgħa se tkun qiegħda tfakkar il-ġrajja tal-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, segwita mill-akbar festa tagħha, dik tal-qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, proprju f’Ħadd il-Għid.
Fil-Kottonera, il-kult ta’ din il-ġrajja huwa wieħed b’saħħtu ħafna fosthom fil-Birgu fejn hemm għeruq storiċi fondi ħafna. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, talk.mt mar il-Birgu fejn stajna naraw il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira esposti fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, li kienu qed jintlibsu b’vestwarju ġdid għall-okkażjoni.
Tkellimna mal-istoriku George Agius li qalilna li b’differenza minn vari ta’ parroċċi oħra, il-vari tal-Birgu għandhom tliet tibdiliet ta’ ħwejjeġ, waħda li tintlibes meta jkunu fin-niċċa tul is-sena, l-oħra li tpoġġiet matul il-perjodu tar-Randan u dik li ntlibset l-aħħar fl-okkażjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Huwa qal li dawn il-vari għandhom ftit aktar minn 30 artefatt tal-fidda, bejn raġġieri, dijademi u sjuf, li kollha huma opri tal-arti li jmorru lura wħud minhom saħansitra mijiet ta’ snin fosthom is-sodda ta’ Kristu Mejjet li saret fl-1750. Jingħad li maż-żmien din is-sodda ntużat ukoll f’xi funeral ta’ persuna distinta biex jinġarr fiha.
Mistoqsi dwar il-pandemija u l-effetti li ħalliet fuqhom bħala parroċċa, Agius xebbah dan iż-żmien bħal nemla li fis-sajf taħseb għax-xitwa. Qal li f’dan il-perjodu sar ħafna xogħol u jekk it-temp jippermetti hemm ħafna affarijiet li se jkunu qegħdin jiżżanżnu u anke manifestazzjonijiet sbieħ għall-pubbliku.