Monday, June 23, 2025

Il-Victim Support Agency b’servizzi essenzjali f’Għawdex

Aqra wkoll

Dr JUSTYNE CARUANA

Mill-Victim Support Agency

Madwar erba’ snin ilu twaqfet l-Victim Support Agency sabiex taġixxi bħala punt ta’ riferenza għall-vittmi tal-kriminalita. Il-bidu kien iebes u forsi kien hemm min saqsa dwar il-ħtieġa tagħha. Illum inħarsu lura lejn erba’ snin ta’ ħidma fejn l-Agenzija u n-nies kapaċi u ħabbrieka tagħha ħadmu bis-sħiħ biex tingħata l-importanza li jixirqilhom l-vittmi tal-kriminalità. Illum l-Agenzija diġà assistiet iktar minn erbat elef persuna.

L-inkarigu ewlieni tal-Agenzija hija li tagħti appoġġ u sostenn lill-Vittmi tal-Kriminalità filwaqt li toħloq għarfien fil-komunità dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Bħala Aġenzija nazzjonali s-serizzi tagħha ma jiqfux saċ-Ċirkewwa, imma jiġu offruti f’Għawdex ukoll. 

Il-vittma hija dik il-persuna, dak iċ-ċittadin, dik l-omm jew bint li tkun għaddejja b’ħajjitha b’mod normali u f’daqqa waħda jiġi xi ħadd, iwettaq reat u jħarbat il-ħajja ta’ dak li jkun b’dak li jkun għamel. Xi ħadd li ma għandu x’jaqsam xejn ma ħajtek imma li jidirlu li jrid jaġixxi b’ċertu mod għall-raġuni li forsi ħadd ma jkun jaf u jkissirlek ħajtek sew saħansittra joħodhielek jew ta’ xi ħadd għażiż għalik. Imbagħad b’xi mod trid tara kif tibqa’ għaddej b’ħajtek.

Is-Servizzi professjonali tal-Aġenzija huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi sabiex jkunu jistgħu jingħataw bla ħlas u pprovduti minn professjonisti fis-settur bl-aktar mod kunfidenzjali. 

Il-Victim Support Agency temmen f’servizz ħolistiku għal utenti tas-servizz u dan twettqu permezz tas-servizzi interni, kif ukoll servizzi esterni li huma konnessi permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ numru ta’ entitajiet pubbliċi, kif ukoll oħrajn mhux governattivi. F’Għawdex per eżempju l-Agenzija għandha ftehim mal-Fundazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-OASI, Kunsill Lokali Għarb u taħdem mill-qrib mal-pulizija, Djoċesi ta’ Għawdex, kunsilli lokali u diversi għaqdiet mhux governattivi. 

Il-maġġoranza tar-reati rreġistrati kienu dawk relatati ma’ Vjolenza Domestika. Pero’ ma kienux dawn biss, għaliex magħhom rajna reati oħra relatati ma’ frodi u serq, insulti u thedid, ħsarat fuq propjeta, swat u vjolenza oħra ta’ natura psikologika. Qed naraw bixriet li qed jinbiddlu anki f’Għawdex stess fejn għandna soċjeta’ iktar kosmopolita u diversa li ovvjament qed iġġib magħha biddliet kbar u diversi sfidi.

Għamilna studju biex nagħrfu r-realtajiet u x’hemm bżonn biex nindirizzaw dawn l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-Vittmi. Fl-istess ħin għaddejjin f’kuntatt kontinwu man-nies fis-settur soċjali f’Għawdex biex inkomplu nkabbru l-għarfien u nestendu s-servizzi tal-Aġenzija biex jintużaw mill-vittmi Għawdxin f’Għawdex stess. Nafu wkoll li r-realtà Għawdxija sfortunatament hija iktar magħluqa fejn għad fadal ħafna resistenza biex il-vittmi jirrappurtaw u jfittxu l-għajnuna.

L-esperjenza sa issa għallmitna ħafna u rridu nkomplu nitgħallmu u naħdmu iktar. Fil-fatt is-servizzi dejjem qed jiżdiedu u għadna kemm nedejna żewġ servizz ġodda għall-vittmi li permezz tagħhom noffru child care b’xejn u servizz ta’ carer b’xejn lil dawk il-vittmi li jkunu jridu jmorru l-Qorti jixhdu. Danw is-servizz huma mmirati għal dawk il-vittmi li jkunu jridu jattendu l-qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom imma li jkollhom ulied li ma jkollhomx ma’ min iħalluhom jew ikollhom persuni vulnerabbli dipendenti fuqhom u li allura ma jistgħux iħalluhom waħedhom. Permezz ta’ dawn is-servizzi qed nagħtu l-appoġġ lill-vittmi biex inkomplu ninkoraġġuhom jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom. Din is-sena stess se nkunu qed inniedu wkoll servizz ta’ trasport b’xejn għall-vittmi mir-residenza tagħhom sal-bini tal-Qorti. 

Dawn is-servizzi jingħataw f’Għawdex ukoll u jista’ jintalab direttament mingħand l-Agenzija. Ta’ min isemmi l-linja nazzjonali ta’ appogg għall-vittmi li hija n-numru 116006. Dan huwa numru li jaħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u fejn il-vittmi għandhom aċċess għall-Aġenzija f’kull ħin tal-jum u lejl u kull ġurnata tal-ġimgħa nklużi ħdud u festi.

Il-filosofija tal-Aġenzija hi li tpoġġi l-utent tas-servizz fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni u l-ħidma u ‘l bogħod mill-possibilita’ ta’ vittimizazzjoni doppja jew saħansitra multipla u dan jeħtieġ servizz iktar victim oriented – fejn aħna nduru mal-vittma u l-bżonnijiet tagħha.

Nemmnu li f’pajjiżna u mhux b’inqas f’Għawdex hawn ħafna tbatija u vittimizzazzjoni u allura għaddejjin b’ħidma sfieqa biex inkomplu nifixru u nsaħħu s-servizzi. Aħna noperaw f’kunfidenzalità sħiħa, b’servizzi professjonali u b’xejn.

Għal iktar informazzjoni fuq l-Aġenzija https://victimsupportagency.com/ jew inkella permezz tal-linja 116006.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport