Sunday, December 22, 2024

Il-Virtu Ferries tiċħad li għandha x’taqsam mal-kwistjoni legali ta’ Ponte Ferries

Aqra wkoll

Il-Virtu Ferries irreaġixxiet wara li sezzjoni tal-midja u l-midja soċjali assoċjaw l-“iskuża” ta’ Ponte Ferries, talli ma bdewx is-servizz tagħhom lejn Sqallija, ma’ Virtu Ferries.

Fi stqarrija, il-Virtu Ferries qalet li Ponte Ferries għal darb’oħra kellhom jittardjaw is-servizz tagħhom, filwaqt li qalet li dan bla dubju jikkawża tbatija lill-klijenti tagħhom. 

Il-Virtu Ferries qalet: “Din id-darba qed ifittxu li jaħbu mir-responsabbiltà tagħhom billi jfittxu li jbiddlu t-tort fuq Virtu Ferries, u allegaw li għamilna kwistjoni legali fl-aħħar minuta.” Il-Virtu Ferries ċaħdet li għamlet dan.

“Bħal Ponte Ferries, aħna applikajna għal faċilitajiet ta’ rmiġġ fil-Port ta’ Augusta. L-applikazzjonijiet rispettivi tagħna jieħdu ż-żmien biex jiġu kkunsidrati, u l-ebda waħda minnhom għadha ma ġiet approvata,” qalet il-Virtu Ferries.

Spjegat li konxji mill-ħin meħtieġ u b’differenza mill-kompetituri tagħhom, huma astjenew milli jbigħu biljetti għal din ir-rotta, u sostnew li mhux se jagħmlu dan sakemm jiġi approvat il-permess tagħhom. Il-Virtu Ferries qalet li dan jikkuntrasta ma’ dak li għamlu l-kompetituri tagħhom li ilhom jbiegħu l-biljetti mit-23 ta’ Ġunju filwaqt li kienu konxji li ma kinux f’pożizzjoni li jiggarantixxu s-servizz li kienu qed ibigħu.

Il-Virtu Ferries qalet li Ponte Ferries huma konxji li sal-lum għadhom ma kisbux il-permessi meħtieġa biex joperaw servizz tal-passiġġieri b’veloċità għolja bejn Malta u Sqallija.

Ekonomija

Sport