Thursday, October 10, 2024

Iċ-ċentru miftuħ tal-Qawra baqa’ għaddej sal-aħħar… Konkorrenza tajba ħafna

Aqra wkoll

Għal darb’oħra bosta persuni laqgħu l-appell biex jitlaqqmu hekk kif għal dawn l-aħħar tliet sigħat setgħu jagħmlu dan miċ-ċentru miftuħ ta’ tilqim mingħajr appuntament li kien jinsab ħdejn il-Knisja tal-Qawra.

Mal-ftuħ wieħed seta’ josserva li kien hemm bosta persuni jistennew fil-kju, tant li tali kju tela’ san-naħa ta’ wara tal-knisja. Ġie osservat ukoll li fil-kju kien hemm persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti.

Biex jiġi assigurat li kollox ikun konformi mal-miżuri maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, uffiċjal inkarigat beda jdur man-nies biex jara li n-nies iżommu d-distanza soċjali u jilbsu l-maskra sew kif indikat mill-awtoritajiet. Fuq il-post kien hemm ukoll il-preżenża tal-Pulizija u l-ambulanza f’każ li jkun hemm bżonn ta’ xi emerġenza.

Iċ-ċentru miftuħ tal-Qawra baqa’ għaddej sal-aħħar b’konkorrenza tajba ħafna. Bosta kienu dawk il-persuni li faħħru t-tmexxija tassew organizzata li kien hemm filwaqt li sostnew li dawn iċ-ċentri miftuħa f’diversi lokalitajiet tassew qed iħeġġu biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u jitlaqqmu. 

Waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz tal-mobile clinics f’diversi lokalitajiet qed ikollhom suċċess konsiderevoli u qed jilħqu wkoll sezzjoni mill-popolazzjoni Maltija li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jieħdu t-tilqima bil-proċess ta’ reġistrazzjoni li kien hemm qabel.

Il-ġimgħa d-dieħla, l-Erbgħa 11 ta’ Awwissu, mid-9.00a.m. sa 12.00p.m. il-mobile clinic se jkun fiż-Żona Industrijali ta’ Bulebel. Il-Ġimgħa 13 ta’ Awwissu filgħaxija, bejn is-6.00p.m. u d-9.00p.m. il-mobile clinic se jkun ġewwa Paceville.

Sport