Friday, May 17, 2024

Il-vittma kellu laqgħa mal-eks Kummissarju Rizzo ġimgħa qabel għeb

… ikompli jinstema l-ġuri dwar il-qtil ta’ Albert Brian Rosso

Aqra wkoll

Hekk kif kompla jinstema l-ġuri dwar il-qtil ta’ Albert Brian Rosso, fost dawk li xehdu kien hemm l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Fix-xhieda tiegħu, Rizzo qal li lura f’Ottubru tal-2005, Rosso kellu laqgħa miegħu, fejn Rosso qallu li kien qiegħed iħossu mhedded. 

Huwa qal li l-vittma talbu sabiex jiltaqgħu minħabba li kien qiegħed iħossu mhedded minn persuni Sqallin. Qal ukoll li l-vittma kien ċempillu ġimgħa qabel m’għosfor u semma’ persuna li ddeskriva bħala notorja. 

Is-Sur Rizzo qal li beda investigazzjoni fuq l-għajbien tal-vittma u li kien ikun infurmat bl-iżviluppi kollha dwar il-każ. Spjega li il-vittma tkellem dwar it-theddid f’diversi istanzi, inkluż ma’ martu u anke fuq il-post tax-xogħol. Ikkonferma wkoll li Rosso kien iġorr arma fuqu minħabba li ħassu mhedded.

L-eks Kummissarju Rizzo kompla jixhed kif dakinhar li għeb Albert Brian Rosso, kien hemm persuna li ħarġet minn vann u rikbet vettura li qal illi kienet ilha hemmhekk minn mindu Rosso kien nieqes u telaq biha mas-sewwieq. Is-Sur Rizzo kien indika li l-vittma kellu tilwima mas-sieħeb u l-eks sieħeb tiegħu fin-negozju fuq kwistjoni ta’ flus, li l-eks sieħeb tal-lanċa kien qed jippretendi li jieħu.

Fix-xhieda tiegħu, huwa xehed ukoll li Rosso deher l-aħħar ħiereġ mix-xogħol f’San Luċjan, fejn hemmhekk kellu jiltaqa’ ma’ Anthony Bugeja, wieħed mill-akkużati li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Albert Brian Rosso. Meta kien mistoqsi mid-difiża, Rizzo qal li Rosso semma’ pulizija Taljan li allegatament tkellem miegħu Rosso dwar attivitajiet illegali u mafjużi, iżda li l-pulizija Maltija ma sabuhx lil dan tal-aħħar.

Is-Sur Rizzo qal li l-vittma ma kienx direttament mhedded iżda t-theddid kien jasallu permezz tal-akkużati Anthony Bugeja u Piero Di Bartolo. Intant matul is-seduta tat-Tlieta, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għal xoljiment tal-ġuri iżda ddikjarat li x-xhieda bbażata fuq x’qalet il-mara tal-akkużat hija ‘konġettura’.

L-avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għal Anthony Bugeja, bl-avukat Roberto Montalto qed jidher għal Di Bartolo. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile. L-Avukati Angele Vella u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni.

Sport