Friday, November 15, 2024

Il-vittma kien irrapportat nieqes minn ommu siegħa qabel instab mejjet

Aqra wkoll

Omm raġel li spiċċa maqtul f’hit-and-run fiż-Żejtun f’Awwissu li għadda, kienet irrapportat li binha kien nieqes fl-għassa tal-pulizija tal-istess lokalità siegħa biss qabel ma l-katavru tiegħu nstab minn persuna li nzerta kien għaddej minn hemm l-għada tal-inċident.

Dak li sab lill-vittma kien informa lil resident fil-viċin, li min-naħa tiegħu avża lill-pulizija dwar is-sejba tal-katavru, aktar tard identifikat bħala Antoine Degabriele li ommu kienet irrapportatu nieqes wara li ma kienx irritorna lura mix-xogħol fil-lejl ta’ qabel, fl-4 ta’ Awwissu. 

Dik is-sejba wasslet biex il-pulizija jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom u eventwalment kien arrestat Dean Donovan Frendo, ix-xufier ta’ 23 sena li qed iwieġeb mhux ħati ta’ qtil involontarju wara li allegatament tajjar lil Degabriele u baqa’ sejjer minn fuq il-post. 

Meta l-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni kontra Frendo, l-Ispettur Shawn Pawney xehed li ġisem il-vittma nstab mimdud wiċċu ‘l fuq f’għalqa u ma kienx jidher mil-livell tat-triq. Il-vittma kellu ferita viżibbli bid-demm fuq in-naħa tal-lemin tal-kustilji tiegħu. 

Viċin tiegħu kien hemm ukoll card tal-linja u anke fdalijiet ta’ ħwejjeġ filwaqt li ż-żarbun tiegħu nstab aktar ‘il bogħod fl-għalqa. Intlemaħ ukoll parti mill-fanal ta’ quddiem ta’ vettura, possibilment dik involuta fl-inċident, flimkien ma’ partijiet oħra tal-karozza.

Inġinier maħtur bħala espert fl-inkjesta maġisterjali ta l-ewwel indikazzjoni dwar it-tip ta’ vettura li x’aktarx kienet involuta fil-każ – Mazda 2 jew Demio kulur il-fidda. Intqal ukoll li l-vitma kien identifikat mill-qraba li marru fuq il-post. 

Filmat tas-CCTV ma qabadx il-mument eżatt tal-impatt iżda wera lill-vittma jtir bis-saħħa u karozza tgħaddi b’veloċità għolja, ftit metri ‘l bogħod mid-dwal tat-traffic lights, f’nofs it-triq.

Ġie stabbilit li l-impatt fatali seħħ għall-ħabta tal-11.20 p.m. u ħdax il-minuta wara l-vettura suspettata nqabdet fuq filmati biswit l-uffiċċju tal-MaltaPost f’Birżebbuġa. Il-mobile ta’ Frendo, li kien ikkonfiskat mill-pulizija meta marru biex jarrestawh fis-6 t’Awwissu, kien ukoll lokalizzat fix-xena fejn seħħ l-inċident. 

Is-suspettat għażel li ma jweġibx il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet waqt l-interrogazzjoni tiegħu. Ix-xhud spjega li l-imputat kien qal lill-pulizija li l-Mazda Demio kienet f’garaxx fix-Xgħajra, li ma kienx ħallas il-liċenzja u lanqas il-polza ta’ assigurazzjoni għax ma kienx jiflaħx iħallashom. Imma sostna wkoll li ma kien ħalla lil ħadd jissellef il-karozza.

Ix-xhud qal ukoll li l-pulizija għad m’għandha l-ebda evidenza konklussiva dwar it-tieni vettura li dehret fil-filmati fil-ħin tal-inċident. 

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, ikompli f’Diċembru. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mill-Ispettur Roderick Spiteri. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Frendo. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru parte civile.

Ekonomija

Sport