Saturday, May 18, 2024

F’Malta u f’Għawdex hawn 1,775 organizzazzjoni volontarja 

Aqra wkoll

F’pajjiżna jirriżulta li għandna numru sostanzjali ta’ organizzazzjonijiet volontarji li, skont l-għan speċifiku tagħhom, jgħinu u jikkontribwixxu fis-soċjetà. Dan kemm jekk huwiex f’servizzi għal persuni b’diżabbiltà, żvilupp fil-komunità jew inkella dak li tant il-Maltin iħobbu, organizzazzjonijiet li jmexxu l-baned f’Malta.

Minn tagħrif li l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, tat fil-Parlament ħareġ li fil-pajjiż għandna total ta’ 1,775-il organizzazzjonijiet li minnhom 1,619 huma f’Malta mentri 156 jinsabu f’Għawdex. Dawn huma l-organizzazzjonijiet irreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.

B’kollox hemm 14-il kategorija li huma: Kultura (384); Edukazzjoni u Riċerka (98); Saħħa Pubblika (51); Servizzi Soċjali (135); Avvanz tal-Ħarsien u t-Titjib tal-Ambjent inkluż il-Ħarsien tal-Annimali (76); Żvilupp tal-Komunità (12); Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti, id-Demokrazija u r-Rikonċiljazzjoni (144); Żvilupp Internazzjonali u Għajnuna Umanitarja (66); Filantropija (81); Organizzazzjonijiet Ibbażati fuq il-Fidi (103); Organizzazzjonijiet Professjonali (111); Organizzazzjonijiet Sportivi (368); Rikreazzjoni (29) u Pjattaformi u Federazzjonijiet (4).

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “bħalissa, bħala parti mir-riforma li qiegħda ssir fis-settur, qed issir analiżi iktar dettaljata tal-għaqdiet li tħares lejn il-funzjoni u l-iskop tagħhom”. Hija spjegat li r-rikonoxximent ta’ għaqdiet skont l-operat, il-format, il-mod li bih huma amministrati u l-ħidma tagħha hija importanti fit-tfassil tal-politika tas-settur u hija essenzjali biex tkun indirizzata r-riforma meħtieġa. 

Aktar fid-dettal jirriżulta li t-total tal-għaqdiet li jaħdmu jew jipprovdu servizzi lil persuni b’diżabbiltà huwa ta’ 58 waħda. Dawn jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ Saħħa Pubblika, Servizzi Soċjali, Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Filantropja. Dan ma jinkludix għaqdiet bħal sportivi u kulturali li fil-ħidma tagħhom jagħmlu wkoll xogħol li jibbenefikaw minnu persuni b’diżabbiltà grazzi għall-fatt li jħaddnu politika ta’ inklussività fil-ħidma tagħhom fil-komunitajiet. 

L-ammont ta’ għaqdiet li huma b’xi mod marbuta mal-attivitajiet huwa ta’ 368, mentri għandna 94 għaqdiet li huma meqjusa bħala ‘Każin tal-Banda’, għalkemm dawn tal-aħħar sal-lum għad m’hemmx kategorizzazzjoni speċifika għalihom. 

L-istess jista’ jingħad għall-għaqdiet li b’xi mod jikkontribwixxu lejn l-aspetti tal-festi, bħal għaqdiet tal-armar, fratellanzi u għaqdiet tan-nar. It-total ta’ dawn l-għaqdiet huwa ta’ 68. Dawn jaqgħu f’kategoriji varji fosthom kultura, rikreazzjoni u organizzazzjonijiet ibbażati fuq fidi. 

Fl-informazzjoni mogħtija ngħad ukoll li għandna 113-il organizzazzjoni li għad m’għandhomx klassifikazzjoni speċifika.

Sport