Luke Busuttil ġie lliberat minn kull akkuża wara li ma nstabx ħati li fl-1 ta’ Novembru tal-2020 għall-ħabta tal-5.40am fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat Għawdex tajjar persuna. Hu kien ġie akkużat li kien tajjar raġel u konsegwenza ta’ dan il-vittma sofra ġrieħi gravi.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace l-Prosekuzzjoni kienet akkużat ukoll lil Busittil li kien saq bi traskuraġni, b’mod perikoluż u bla kont.
Mix-xhieda ħareġ li l-vittma waqt l-inċident ma kienx fuq iż-żebra crossing u anke f’dak il-ħin kien għadu qiegħed jisbaħ u fit-triq ma kienx hemm ħafna dawl. L-akkużat li xehed f’dawn il-proċeduri qal li l-vittma qabad u qasam anke meta traffic lights kienu ħodor.
Il-vittma min-naħa tiegħu qal li hu kien qasam minn fuq il-lights li hemm fit-triq u kien intlaqat mill-karozza li kienu ġejja min-naħa tal-Imġarr. Hu xehed li hu kien għafas il-buttuna biex id-dawl jaqleb aħmar għal karozzi, stenna ftit u qasam, iżda ma jiftakarx jekk kienx laħaq qabel id-dawl jew le.
Il-Maġistrat qalet li hemm kunflitt ta’ provi dwar kif seħħ l-inċident u l-prosekuzzjoni naqset milli ġġib provi dwar il-ġrieħi li seta sofra l-vittma.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.