Saturday, May 4, 2024

L-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi mwaqqfa se tkun parti mill-Kunsill Konsultattiv

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi se tkun parti mill-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni biex tkun stakeholder ieħor parti mill-bidliet li qed isiru fis-settur tal-kostruzzjoni. Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda għall-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ din l-assoċjazzjoni. “Anke minn qabel ġiet imwaqqfa formalment, rajt f’din l-assoċjazzjoni interlokutur b’saħħtu li għandu kontribut kbir fit-twettiq tal-proċess riformattiv li għaddej minnu s-settur”, beda biex jgħid il-Ministru Attard.

It-twaqqif ta’ din l-assoċjazzjoni se ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-bennejja, il-kuntratturi u l-periti liċenzjati biex ikomplu jgħollu l-istandards fis-settur. Il-Ministru Attard nnota wkoll is-suċċess tal-membri li fi żmien sitt xhur mhux biss irnexxielhom jilħqu dan it-tragward imma talli rnexxielhom jirreġistraw aktar minn 200 membru fil-jum tal-formazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Attard saħaq dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-assoċjazzjoni u l-awtoritajiet filwaqt li aċċenna għall-ħtieġa ta’ ristrutturar u li jiżdied l-infurzar. Dan bil-għan li titrawwem kultura ġdida li fiha s-settur jista’ jitħalla jaħdem f’armonija mat-terzi li sa issa għadhom qegħdin jiġu affettwati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. “Konvint li din l-assoċjazzjoni mhux biss se tkun vuċi b’saħħitha għall-membri tagħha, imma wkoll katalista ta’ bidliet reali fl-industrija tal-kostruzzjoni”, temm jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu l-President tal-assoċjazzjoni Michael Cutajar esprima s-sodisfazzjon kollettiv tal-kumitat għall-aħbar li l-Kumitat tal-Kunsill Konsultattiv dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni laqa’ r-rakkomandazzjoni li se toffri l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni aktar b’saħħitha fir-riformi u t-tibdil li jeħtieġ li jsir fis-settur. Huwa kompla mal-Ministru Attard rigward il-ħtieġa ta’ ristrutturar u aktar infurzar u saħaq li fejn se jkun hemm bżonn se jittieħdu miżuri drastiċi bħalma huma sospensjonijiet meħtieġa sakemm persuni inkwistjoni jirregolaw rwieħhom biex verament ikunu jistgħu jogħlew l-istandards. Fl-aħħar taċ-ċerimonja l-membri ġew preżentati ċertifikat ta’ sħubija fl-assoċjazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport