Thursday, May 9, 2024

Imnedija l-fondazzjoni li se tmexxi ċ-Ċentru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar il-Kanċer f’Malta

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażażgħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar it-twaqqif tal-Fondazzjoni li se tmexxi ċ-Ċentru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar il-Kanċer f’Malta. L-għan ta’ din il-fondazzjoni hi li tintegra l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ pajjiżna biex ikun hemm allinjament mal-għanijiet u strateġiji tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-kanċer.

“Din il-fondazzjoni se tkun qed tmexxi ċentru ta’ eċċellenza, fejn l-innovazzjoni fir-riċerka u t-trattament tal-kanċer mhux biss jiġi maħsub iżda jseħħ. Din il-fondazzjoni se taħdem biex tegħleb l-isfidi li tradizzjonalment iżommu lura l-isforzi tar-riċerka, billi trawwem approċċ multidixxiplinarju li jisfrutta l-kompetenza kollettiva ta’ riċerkaturi u professjonisti mediċi. Dan se jkun il-pedament li fuqu nibnu l-kapaċitajiet lokali tagħna, billi nintegrawhom mal-komunità tar-riċerka internazzjonali usa’,” spjega s-segretarju parlamentari.

Huwa kompla li din l-inizjattiva se turi dak li jista’ jinkiseb permezz tal-kollaborazzjoni. Billi jiġi inkorporat l-għarfien lokali mal-għarfien u l-innovazzjonijiet tal-UE dan jista’ jwassal għal avvanzi sinifikanti fir-riċerka tal-kanċer.

“Din l-inizjattiva xjentifika tirrapreżenta sejħa għall-azzjoni għal ħidma kollettiva biex negħlbu l-kanċer.

Flimkien se nikkollaboraw u naħdmu għal futur aktar b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, Prof. Christian Scerri qal li, “Permezz ta’ din il-Fondazzjoni qed inwittu t-triq għall-ewwel ċentru tar-riċerka u innovazzjoni dwar il-kanċer f’ Malta, mhux biss għall-avvanz tar-riċerka dwar il-kanċer iżda wkoll biex inwittu t-triq għal futur aktar b’saħħtu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport