Inewsmalta tinsab infurmata li għall-ħabta tal-11:00 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li kien żvolġa argument familjari fi Triq il-Gudja f’Ħal Għaxaq.
Minnufih issejħu fuq il-post uffiċjali tis-Sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit kif ukoll dawk mill-Għassa tad-distrett. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li allegatment kienet seħħet sparatura bejn missier u iben. Il-Pulizija qiegħda tkellem lill-missier, Salvu Dalli ta’ 68 sena residenti Ħal Għaxaq.
Fil-post waslet ambulanza u tim mediku iżda sfortunatament l-iben, Antoine Dalli ta’ 37 sena minn Ħal Għaxaq ġie ċċertifikat mejjet fil-post. Il-vittma nstab mejjet kawża ta’ tir ta’ arma tan-nar f’żaqqu fil-kamra tal-banju u mill-post ġiet elevata wkoll l-arma tad-delitt.
Fil-post hemm preżenza kbira ta’ pulizija, l-ispettur Keith Arnaud, kif ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello flimkien ma’ esperti oħra tal-Qorti.









Fi Frar li għadda Salvu Dalli ngħata sentenza sospiża wara li aggredixxa lis-sieħba ta’ ibnu. Huwa kien tressaq il-qorti akkużat li kellu l-ħsieb li jikkaġunalha feriti ta’ natura gravi u ta bidu għall-eżekuzzjoni tad-delitt liema delitt ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Hu ġie akkużat ukoll li kellu sikkina mingħajr ma kellu liċenzja. Dakinhar huwa kien deher fil-qorti jimxi bl-għajnuna ta’ bastun fejn esprima d-diffikultà ta’ mobbilità tiegħu.