Sunday, December 22, 2024

Il-vittma tal-isparatura f’Wied Ħażrun ħaseb li kien ħa xokk mill-karozza

Aqra wkoll

Raġel li qala’ tir f’dahru f’Wied Ħażrun, limiti ta’ Ħad-Dingli, ix-xahar li għadda, għall-ewwel ħaseb li l-uġigħ kien ġej minn xokk elettriku wara li mess il-magna tal-karozza tiegħu.

Noel Ciantar kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra l-allegat aggressur tiegħu Joseph Micallef, bidwi ta’ 73 sena li qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil. Micallef allegatament kien qal lill-pulizija li kellu problemi ma’ Ciantar, ma felaħx aktar u għalhekk tah tir.

Ciantar spjega fil-Qorti li dakinhar tal-isparatura, huwa kien ippjanat li joħroġ m’ommu u għalhekk saq il-karozza tiegħu mill-garaxx, ipparkjaha quddiem ir-razzett tiegħu, niżżel xi affarijiet personali u wara tella’ l-bonett tal-karozza biex jiċċekkja l-livell tal-ilma. 

Iżda waqt li kien qed jagħmel dan, huwa sema’ bħal ‘splużjoni’ u wara ħass uġigħ f’dahru. Huwa beda jitlob għall-għajnuna u ħutu minnufih ħarġu barra jaraw x’ġara. Kien dak il-ħin li ndunaw li xi ħadd spara fuq Ciantar. 

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar tad-19 t’Awwissu meta l-Pulizija kienu infurmati bl-isparatura filwaqt li l-aggressur ħarab minn fuq il-post. Ciantar kien qal lill-pulizija li ma kienx ra lil min kien sparalu. 

Madankollu, huwa pprovda lill-investigaturi lista b’ismijiet ta’ nies li magħhom huwa kellu kwistjonijiet pendenti. Wieħed minn dawn kien l-imputat. Il-vittma kellu wkoll jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei fejn, f’ħin minnhom ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika. 

L-Ispettur Kurt Zahra xehed kif il-pulizija bdiet taħdem minnufih dwar il-każ u beda jħares lejn l-ismijiet provduti mill-vittma. Meta kellmu lil Micallef, dan qalilhom li ma kienx tbiegħed mir-razzett tiegħu. Iżda meta l-pulizija ġabru filmati tas-CCTV, sabu li d-decoder kien intefa’.

Hekk kif l-uffiċjali kienu se jikkonfiskaw l-apparat, innutawh li kien nervuż u beda jġib ruħu b’mod stramb. Micallef qalilhom li dakinhar tal-inċident kien ħareġ jikkaċċja għall-fniek. 

“Din id-diskrepanza fil-verżjoni tal-bidwi qanqlet suspett u Micallef kien imsejjaħ għal interrogazzjoni doppja,” qal l-Ispettur Zahra. Waqt it-tieni interrogazzjoni, Micallef allegatament ammetta li kien hu li spara fuq Ciantar u qal lill-Pulizija li kellu problemi miegħu u ma “felaħx iktar”. “Sparajt tir lejh”, allegatament qal ir-raġel.

Wara li l-vittma xehed il-Ħamis, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Micallef u rrimarkat li l-akkużat kien ikkopera mal-pulizija. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat fid-dawl tal-fatt li Micallef seta’ jersaq lejn id-dar tal-vittma. 

Il-Maġistrat Nadine Lia tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa kuljum u biex ma jersaqx lejn iż-żona fejn seħħet l-isparatura.

Il-każ ikompli f’Ottubru.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Roderick Attard assistit mill-Avukati Kaylie Bonnet u Nathaniel Falzon mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Stephen Tonna Lowell u Hugh Peralta assistew lill-imputat. 

Ekonomija

Sport