Sunday, December 22, 2024

Il-vittma u wieħed mill-akkużati kienu jkunu flimkien minħabba d-droga

Xhieda fil-Qorti waqt is-smigħ tal-ġuri dwar il-qtil ta’ Simon Grech

Aqra wkoll

Hekk kif kompla jinstema’ l-ġuri dwar il-qtil ta’ Simon Grech, persuna transgender ta’ 20 sena li qala’ 17-il daqqa ta’ sikkina f’April tal-2005, taw ix-xhieda tagħhom diversi uffiċjali tal-pulizija fosthom l-eks kuntisabbli tal-Pulizija Christopher Bonnici, li sostna li l-vittma kien ikun ma’ wieħed mill-akkużati minħabba d-droga.

L-akkużati huma Ismael Habesh ta’ 51 sena mil-Libja u Faicail Mahouachi ta’ 55 sena mit-Tuneżija. L-Imħallef Aaron Bugeja, li qed jisma’ dan il-ġuri, qara wkoll stqarrija ta’ mara li saret fl-2008 fejn f’interrogazzjoni li saritilha mill-Pulizija kienet qalet li Habesh u Faical kienu qatlu lil Grech. Mill-istess stqarrija, il-mara qalet li l-vittma xi jiem qabel ma nqatel seraq xi droga mill-karozza ta’ Gejtu Scerri — dak iż-żmien kien l-għarus ta’ din il-mara. Hija kienet sostniet li l-għarus tagħha kien konxju li Grech kien qala’ xebgħa relatata mas-serqa li għamel. Meta Bonnici ġie mistoqsi mill-Imħallef jekk kienx kellem lil Gejtu wara li ġie mgħarraf b’dan kollu, it-tweġiba tiegħu kienet fin-negattiv.

Il-ġurati staqsew lix-xhud jekk Habesh kienx iħaddem lill-vittma. It-tweġiba ta’ Bonnici kienet “le”. L-eks kuntistabbli spjega li Habesh ma kienx il-pimp ta’ Grech għaliex normalment pimp ikollu ħames jew sitt nisa x’jieħu ħsieb. Il-Qorti semgħet kif Grech kien jaħdem biex ikun jista’ jissodisfa l-vizzju tad-droga li kellhom il-vittma u l-akkużat Libjan, u kien għalhekk li kienu jiffrekwentaw lil xulxin.

Bonnici qal li l-Pulizija tinsab konvinta li Faical kien involut fil-qtil tal-Grech. Fix-xhieda tiegħu, l-eks uffiċjal qal li l-mara li kienet tat stqarrija lill-Pulizija m’għarfitx lil Jamal waqt l-Identity Parade, però, maż-żmien, il-Pulizija rċeviet informazzjoni sabiex tinvestiga lit-Tuneżin. Huwa kompla jgħid li skont investigazzjoni mwettqa minnu ma jidhirx li ż-żewġ akkużati kienu jafu wisq lil xulxin.

Xehed ukoll raġel li kien jassisti lit-tobba fl-awtopsji. Fix-xhieda tiegħu huwa qal li meta mar fuq il-post tad-delitt u kien se jiġbor il-katavru, ix-xagħar u l-ġilda ta’ ras Grech baqgħu mal-art minħabba li l-katavru kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Tant hu hekk li minkejja illi kien jaf lill-vittma, ma ntebaħx li l-katavru kien ta’ Grech. Ir-raġel żied jgħid li ħdejn il-katavru kien hemm mobile u żarbuna.

Il-ġuri jkompli.

Ekonomija

Sport