Sunday, November 24, 2024

IL-VITTMI SE JKOLLHOM DRITTIJIET F’INKJESTI MAĠISTERJALI

Aqra wkoll

Il-Gvern Laburista partikolarment dak ta’ bħalissa ħa l-fama li huwa l-Gvern tar-riformi. U ma setax jonqos li jkun hekk għaliex kien dan il-Gvern li wettaq riformi kbar li saħħew u mmodernizzaw is-soċjetà kif nafuha llum. Ibda mid-drittijiet ċivili, il-qasam tal-ġustizzja u issa s-settur tal-kostruzzjoni.

Fil-jiem li għaddew, tħabbar li nfetħu l-applikazzjonijiet għal-liċenzjar tal-kuntratturi. Ħadd aktar mhu se jaqbad u jagħmel lilu nnifsu kuntrattur tal-bini jekk ma jkollux il-liċenzja. Dan kien pass li ilu snin twal meħtieġ u li kieku sar qabel, taħt gvernijiet preċedenti, forsi llum l-istatistika ta’ mwiet ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol kienet tkun ferm u ferm inqas.

Jidher li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jmur lil hinn minn hekk. Tant li diġà tħabbar li għaddejjin diskussjonijiet favur riforma li fl-inkjesta maġisterjali jkunu inklużi d-drittijiet tal-vittmi u tal-familjari tagħhom. Dan għaliex ma kienx xieraq illi l-vittmi tal-inċidenti jkunu l-aħħar nies li jiġu infurmati bl-eżitu tal-inkjesta maġisterjali.

Ir-riforma li se ssir f’dan il-qasam hija wkoll parti mid-drittijiet ġodda li se jingħataw iċ-ċittadini Maltin. Aħna nieħdu l-kelma tal-Prim Ministru li l-Gvern m’għandux x’jibża’ tant li t-termini ta’ referenza li se taħdem bihom l-inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia se jmorru lil hinn saħansitra sabiex jistabbilixxu kull farka ta’ dubju u jeliminawh.

Bir-riforma li qed titħejja mill-Gvern Laburista dwar l-inkjesti maġisterjali, se jkun żgurat li l-familjari tal-vittmi jkollhom dritt li jipparteċipaw fl-inkjesta li tkun qiegħda ssir. Dan għandu jserraħ l-imħuħ illi mhu se jsir xejn minn wara dahar ħadd.

Nittamaw li dawn ir-riformi ppjanati jsibu l-appoġġ kemm tal-Oppożizzjoni kif ukoll tas-soċjetà ċivili b’mod inġenerali. Dan għaliex nemmnu li d-drittijiet tal-vittmi m’għandhomx ikunu determinati minn kulur politiku ta’ xi naħa jew oħra.

Nemmnu wkoll li l-maġġoranza tal-poplu Malti lesta li tingħaqad u tappoġġja inizjattivi li jkollhom l-għan li jekk ma jeliminawx għalkollox, almenu jrażżnu milli jseħħu aktar inċidenti, li jħallu magħhom imwiet jew korrimenti serji.

Sport