Friday, November 15, 2024

Il-vittmi tat-terremot fil-Marokk jaqbżu l-2,000 persuna

... Il-futur tan-nies inċert fejn tidħol sigurtà biex jirritornaw fi djarhom

Aqra wkoll

L-għadd ta’ persuni mejta wara t-terremot li laqat il-Marokk issa qabeż l-2,000 filwaqt li dawk midrubin ukoll qabżu l-2,000 b’madwar 1,400 minnhom f’qagħda kritika.

It-tensjoni qalb l-uffiċjali tas-salvataġġ hija waħda kbira hekk kif waħda mill-ogħla uffiċjali lbieraħ wissiet li bejn illum u għada huwa perjodu kritiku ħafna biex ikunu salvati l-ħajjiet. Hija żiedet tgħid li se tkun qiegħda tingħata prijorità lil dawk il-persuni li jinsabu maqbudin u li qegħdin juru sinjali li għadhom ħajjin.

Intant fost il-ħsarat kbar kkawżati mit-terremot kien hemm il-Moskea famuża ta’ Marrakesh li kienet fost l-iktar milquta u diversi stabbilimenti u attrazzjonijiet turistiċi madwarha wkoll kellhom l-istess destin.

Qalb ir-rappurtaġġ ta’ mwiet u ħsarat spikka salvataġġ fejn f’villaġġ remot mara ġiet salvata minn qalb it-tifrik wara li d-dar tagħha ċediet għalkollox fit-terremot. Hija nstemgħet tgħajjat u tibki mill-ġirien u ġiet salvata ftit ħin wara.

Il-futur tan-nies jibqa’ inċert b’ħafna jmorru jqattgħu l-lejl fi spazji miftuħa minħabba biża’ ta’ aktar theżżiżiet. Huma jibqgħu inċerti dwar il-ġurnata meta se jkunu jistgħu jirritornaw lejn djarhom b’mod sigur.

Ekonomija

Sport