Thursday, May 16, 2024

Jittressaq ilment fil-Qorti Għolja Spanjola kontra Luis Rubiales

Aqra wkoll

Prosekutur ressaq ilment quddiem il-Qorti Għolja ta’ Spanja kontra l-president tal-Federazzjoni tal-Football sospiż, Luis Rubiales, għal attakk sesswali u sfurzar.

Rubiales bies lill-midfielder Jenni Hermoso fuq fommha wara r-rebħa ta’ Spanja fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, li tgħid li ma kinitx kunsenswali.

Hermoso ressqet ilment legali dwar il-bewsa nhar it-Tlie­ta. Issa f’idejn il-qorti li tippreżenta akkużi formali fil-konfront tar-raġel ta’ 46 sena.

L-ilment ta’ Hermoso kien wieħed ta’ attakk sesswali, iżda l-prosekutur Marta Durantez Gil żiedet ukoll allegazzjoni ta’ sfurzar meta ressqet l-ilment quddiem il-qorti għolja.

Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-prosekutur intqal li Hermoso qalet lil Gil li l-qraba tagħha kienu sofrew pressjoni minn Rubiales u l-“madwaru professjonali” tiegħu biex jgħidu li hi “ġġustifikat u approva dak li ġara”.

“Il-prosekuturi jitolbu li Luis Rubiales jiġi interrogat bħala akkużat u Jenni Hermoso bħala vittma,” żied l-uffiċċju tal-prosekutur.

Titlob ukoll li tinġabar informazzjoni mill-awtoritajiet fl-Awstralja, fejn seħħ l-inċident.

Imħallef tal-qorti għolja issa se jivvaluta l-ilment u jiddeċiedi jekk jaċċettax jew jarkivjax it-talba. Jekk tiġi aċċettata, maġistrat jiġi assenjat biex imexxi investigazzjoni, li tikkonkludi jew b’rakkomandazzjoni biex il-każ jgħaddi ġuri jew jiġi miċħud.

L-akkuża ta’ attakk sesswali skond il-liġi Spanjola tista’ ġġorr piena li tvarja minn multa sa erba’ snin ħabs.

Sport