Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]
Ir-riperkussjonijiet ikkawżati mil-logħob tal-azzard eċċessiv jistgħu wkoll iħallu l-effett tagħhom fuq il-postijiet tax-xogħol. Minn banda dawn ir-riperkussjonijiet jaffettwaw l-abbiltà tal-persuna li tikkontribwixxi għas-suċċess aħħari tal-kumpanija u minn banda l-oħra jiġu affettwati l-produttività, il-profittabilità, il-kwalità, ikun hemm aktar assenteiżmu u żieda fl-ispejjeż relatati mas-saħħa tal-ħaddiem.
Persuna li tkun qiegħda ġġorr dan il-vizzju magħha x-xogħol għandha titkellem ma’ ta’ fuqha, fejn għandna dejjem inżommu f’moħħna li s-soluzzjoni mhix tkeċċija, imma sapport! Il-Maniġer għandu jirreferik għas-sapport u jimxi mal-Addictions Policy tal-kumpanija. Policy li għandha tiġi rreġistrata mal-unjin rispettiva tal-ħaddiema.
Imma jekk inti kkonċernat/a li wieħed/waħda mill-impjegati tiegħek qed tilgħab/jilgħab b’mod eċċessiv fuq il-post tax-xogħol, x’għandek issaqsi?
- Il-persuna qed tieħu ammont ta’ sigħat ta’ mard, fejn qabel ma kinitx tagħmel hekk?
- Il-persuna qed torganizza mħatri/betting/logħob tal-azzard fuq il-post tax-xogħol?
- Il-persuna qed tbati minn dwejjaq/bdil ta’ atteġjament/nuqqas ta’ attenzjoni?
- Il-persuna ta’ spiss qed tasal tard għax-xogħol, titlaq kmieni, tieħu brejks twal u qed issibha diffiċli tibqa’ fuq il-post?
- Il-persuna qed titkellem dwar il-problemi finanzjarji, qed tissellef flus mingħand kollegi, jew issaqsi jekk tistax titħallas minn qabel?
- Il-persuna qed tħeġġeġ avvenimenti barra mill-ħin tax-xogħol f’kasinos?
- Il-persuna qed tagħmel użu minn flus tal-kumpanija b’mod suspettuż?
Tajjeb li maniġers iżommu dawn il-mistoqsijiet f’moħħhom u jżommu kollox bil-miktub għal fini ta’ referenza. Dejjem assessja r-riskju, qassam informazzjoni relatata ma’ logħob tal-azzard responsabbli mal-ħaddiema kollha, tkellem mal-ħaddiema rigward sapport li jeżisti għal kulħadd u adotta policy dwar il-vizzji, anke dak tal-logħob tal-azzard.
Jekk m’għandekx policy u tixtieq tifformola waħda, jew saħansitra tixtieq aktar informazzjoni dwar is-suġġett, ikkuntattjana fuq il-1777 u ngħaddukom mal-Aġenzija Sedqa fejn permezz tal-Programm S.A.F.E. jistgħu jagħtukom aktar informazzjoni fuq il-post tax-xogħol stess u jgħinukom timplimentaw il-policy li hi adegwata għalikom.
www.rgf.org.mt