Wednesday, February 19, 2025

Il-vjaġġ ta’ Ella Fenech Attard biex teċċella fl-Għawm

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ella Fenech Attard, għawwiema żagħżugħa Maltija, qed tkompli timpressjona bit-talent u d-determinazzjoni tagħha. Bħalissa qed titħarreġ fil-UAE ma’ waħda mill-aqwa akkademji tal-għawm tar-reġjun, u diġa’ għandha rekord impressjonanti ta’ 13-il Rekord Nazzjonali tal-eta’, minkejja li għad għandha biss 14-il sena.

Sena Mimlija Kisbiet

Ir-rebħiet riċenti ta’ Ella jenfasizzaw il-progress kontinwu tagħha f’dan l-isport. Fl-aħħar tal-2024, hi kisret tliet rekords nazzjonali tal-eta’ f’kategoriji differenti: il-400m Individual Medley Long Course f’Abu Dhabi, il-100m IM Short Course f’Dubai, u d-200m Butterfly Short Course darbtejn waqt il-Kampjonati Nazzjonali  ta’ Malta.

L-aħħar wirja tagħha fl-Abu Dhabi Swim for Life International Championship kien mument ieħor importanti. F’kompetizzjoni kontra aktar minn 1,000 għawwiem minn aktar minn 50 akkademja madwar id-dinja, Ella kisbet medalja tal-fidda u żewġ medalji tal bronż waqt li kienet qed tirrappreżenta lil Malta.

Il-medalji ġew ippreżentati mill-Ambaxxatriċi tal-UAE f’Malta, is-Sinjura Camilleri Calleja. Ella kellha wkoll l-opportunità li tiltaqa’ ma’ Adam Peaty, li rebaħ sitt darbiet fl-Olimpjadi. Din il-laqgħa kompliet tkabbar l-aspirazzjonijiet tagħha.

Vjaġġ Straordinarju

Il-vjaġġ ta’ Ella fid-dinja tal-għawm bdiet minn età żgħira ta’ tliet snin. It-talent naturali tagħha deher mill-ewwel, b’mod partikolari fl-istili Freestyle u Butterfly, u dan wassalha biex tibda t-taħriġ taħt kowċis professjonali. Il-ġenituri tagħha, Josef u Maria, għandhom rwol kruċjali u dejjem appoġjaw il-ħolm tagħha.

Il-kisbiet ta’ Ella mhumiex biss f’livell nazzjonali. Hija pparteċipat u kellha suċċess f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali. Rebħet id-deheb fil-400m Freestyle waqt l-Sharks Swimming Cup fil-Bulgarija kontra 873 atleta. Rebħet ukoll id-deheb f’Dresden, il-Ġermanja fid-200m Freestyle, kif ukoll fis-Serbja fil-800m Freestyle.

Barra minn hekk, waqt il-WSG f’Londra, kisbet 4 midalji tad-deheb, u dan wassal biex ġiet innutata minn akkademja ewlenija tal-għawm fil-UAE. Dawn il-kisbiet juru l-versatilità u l-impenn qawwi li għandha lejn l-isport.

Kif Taqleb l-Ostakli

Minkejja s-suċċess tagħha, Ella taffaċċja sfidi kbar minħabba n-nuqqas ta’ servizzi u faċilitajiet professjonali li huma disponibbli għall-atleti f’Malta. Peress li hawn biss tliet pixxini li jilqgħu għadd ta’ atleti, inkluż dawk tal-waterpolo u tal-għawm sinkronizzat, l-opportunitajiet ta’ taħriġ huma limitati.

L-espożizzjoni internazzjonali tagħha, li saret possibbli permezz tad-dedikazzjoni tal-ġenituri tagħha, kienet kruċjali biex hi ttejjbet il-ħiliet tagħha.

Pass Ġdid fil-Vjaġġ ta’ Ella

Id-determinazzjoni inkredibbli ta’ Ella wasslitha għal punt importanti fil-karriera tagħha. Hi għadha kif ingħatat borża ta’ studju prestiġġjuża – il-Malta Sports Scholarship li se jippermetti li hi tkompli t-taħriġ professjonali tagħha fil-UAE.

Bħalma qalet hi stess, “Din l-opportunità hija għan li ħdimt bla waqfien biex nilħaq, u timmarka pass importanti li jmiss fil-vjaġġa inkredibbli tiegħi. Nispera li din il-kisba tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-isport f’Malta.”

Din il-borża ta’ studju, mogħti mill- Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, mhux biss tirrikonoxxi d-dedikazzjoni ta’ Ella iżda wkoll twitti t-triq biex Ella tieħu t-taħriġ tagħha għal-livell li jmiss, u ssaħħaħ il-pedamenti biex tikseb aktar suċċessi internazzjonali.

Il-Futur ta’ Ella

L-aspirazzjonijiet ta’ Ella jinkludu l-kwalifikazzjoni għal kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġġjużi u t-tisħiħ tal-profil tal-għawm f’Malta. Hi tgħid li s-suċċess tagħha huwa possibli permess tal-kowċis professjonali tagħha, l-appoġġ tal-ġenituri tagħha, u d-dixxiplina li għandħa fejn jidhlu t-taħriġ u n-nutrizzjoni.

Hekk kif tkompli taqleb l-ostakli u tistabbilixxi rekords ġodda, Ella Fenech Attard tispikka bħala eżempu ta’ ispirazzjoni għal dawk li għandhom il-ħolma li jsiru atleti f’Malta u lil hinn ta’xtutna. Il-vjaġġ tagħha hi xhieda tal-qawwa tat-talent, id-determinazzjoni u sistema ta’ sapport b’saħħtu. 

Segwi l-vjaġġ taċ-ċkejkna Ella u ċċelebra din l-istilla tal-għawm Maltija li mistennija tkompli tibbrilla fix-xena kemm lokali kif ukoll dik internazzjonali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport