Thursday, July 17, 2025

Il-vjaġġ ta’ Kirsty u Amy f’Liquorish … mhux biss storja ta’ rebħa iżda xhieda ta’ qawwa ta’ karattru, ta’ ħbiberija awtentika, u ta’ kuraġġ li tmur lil hinn mill-konvenjenza

Aqra wkoll

Wara 14-il ġimgħa ta’ sfidi intensivi, avventuri mill-aktar eċċitanti u mumenti ta’ emozzjoni pura, il-21 edizzjoni tal-programm Liquorish intemm b’mod spettakolari u fuq quddiem nett kienu Kirsty u Amy, magħrufa wkoll bħala Il-Ħbieb, li ġew iddikjarati rebbieħa ta’ din is-sena.

Kirsty u Amy ma kinux biss parteċipanti; kienu ta’ ispirazzjoni għal kull min rahom mill-kumdita’ ta’ daru. B’għaqda li kienet tidher naturali u determinazzjoni liema bħalha speċjalment għax huma meqjusa li jiftiehmu ħafna, dan id-duo rnexxielu jiġbed l-ammirazzjoni tal-pubbliku u l-ġurija, u tfaċċaw bħala l-favoriti ċari fil-ġimgħat għaddew. 

Filwaqt li Kirsty ma tqisx ruħha bħala bniedma li tistħi u kienet dejjem lesta tiddiskuti u tinnegozja, anke fil-proċessi ta’ bartering , Amy kienet l-element ta’ bilanċ u s-sinsla tat-tim, b’kapaċità ta’ ħidma kbira u approċċ riflessiv. U għalhekk bħal f’xi riċetta ta’ kok tajjeb, l-ingredjenti kienu magħmula b’reqqa kbira u għalhekk ħarġu r-rebbieħa naturali.

Meta tkellmu ma’ dan il-ġurnal fi tmiem il-programm jew aħjar ftit sigħat wara li ġew dikjarati rebbieħa, it-tnejn kienu għadhom taħt l-effett tal-mumenti emozzjonanti li għaddew minnhom. “Kienet esperjenza li se tibqa’ magħna għal ħajtek kollha,” qalet Amy, b’ton ta’ gratitudni. “Ħdimna ħafna għaliha, u nirringrazzjaw lil kulħadd għas-sapport.”

Kirsty, min-naħa tagħha, kienet emozzjonata u f’sens sorpriża: “Veru ninsabu bla kliem… ma stajniex nemmnu li wasalna sal-aħħar u rbaħna l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm Liquorish.”

L-istorja tagħhom bdiet tliet snin ilu, meta ltaqgħu għall-ewwel darba fil-klassi. Minn dakinhar ’l hawn, bnew ħbiberija li issa saret aktar soda minn qatt qabel. “It-tnejn kellna interess fil-programm Liquorish u għamilna l-applikazzjoni flimkien – u tfaċċajna f’din l-avventura!” tgħid Amy b’tbissima.

Kienet ħbiberija li ma kinitx ibbażata fuq il-konvenjenza jew iċ-ċirkostanzi – kienet waħda awtentika u mibnija fuq rispett u appoġġ reċiproku, ħaġa li kompliet tiġi msaħħa matul kull sfida, fit-tlajja u l-inżul tal-programm.

Waħda mill-aktar esperjenzi intensi għalihom kienet il-ħin li qattgħu fil-Ghana, pajjiż Afrikan li għalkemm fqir, offra tagħlim kbir. “Tgħallimt napprezza aktar dak li għandna f’Malta,” qalet Amy. “Hemmhekk, affarijiet li hawn narawhom bħala normali, hemm huma lussu. Tgħallimt li għandna nkunu grati u naraw il-pożittiv fis-sitwazzjoni tagħna. Xi kultant aħna ngergru fuq iċ-ċuċati u nilmentaw fuq ħafna affarijiet. Dawn japprezzaw kull ħaġa żgħira li tagħmlilhom.”

Il-parteċipanti kellhom jagħmlu bartering għall-oġġetti li kellhom bżonn — u f’dawk il-mumenti, Amy spikkat. “Amy veru ma tistħix,” tgħid Kirsty bi tbissima. “Kienet tkun l-ewwel li titkellem, l-ewwel li tinnegozja. Il-ħiliet soċjali tagħha kienu essenzjali għas-suċċess tagħna.”

Matul dawn l-14-il ġimgħa, Kirsty u Amy ma kellhomx biss l-isfida tagħhom fiżikament u mentalment u ġew ukoll ispirati mill-koppji l-oħra. “Ma kulħadd konna naqblu,” jgħidu, u jfissru li anke jekk kien hemm kompetizzjoni, il-ħbiberiji li ffurmaw kienu awtentiċi. “Bejn l-aħwa wkoll – konna qisna familja. Se nġorru magħna dawn il-ħbiberiji għal tul il-ħajja.”

Il-programm ma kienx nieqes minn emozzjonijiet personali. Kirsty, li hija omm, kellha tifla ta’ sena u nofs meta daħlet għall-isfida. “Bdejt nibża’ li tinsini,” qalet b’sens ta’ vulnerabbiltà. “Imma ridt nagħmilha din l-isfida. L-avventuri jogħġbuni, u għalkemm kont nibża’, ma stajtx inħalliha tgħaddi mingħajri.”

Ir-rebħa ta’ Kirsty u Amy ġġib magħha total ta’ €6,000 fi flus kontanti u €2,000 f’vawċers — premju li jirrifletti l-isforz kollu li għamlu matul il-vjaġġ tagħhom.

Fl-istess waqt, Raphael, wieħed mill-parteċipanti favoriti tal-pubbliku — ġie ppreżentat bl-unur tal-Audience Favourite Award u b’hekk din l-edizzjoni ma kellhiex rebbieħ wieħed biss.

Meta mistoqsija fejn jidhru lilhom infushom f’għaxar snin oħra, Amy qalet: “Nixtieq insiefer u nesplora d-dinja, jekk jippermetti l-but. U fuq kollox, nixtieq inkun omm tajba”

U għal dawk li jħossuhom mitlufa jew qed jitħabtu fil-ħajja, it-tnejn kellhom messaġġ ċar: “Esperjenzi bħal dawn mhumiex komuni fil-ħajja ta’ kuljum. Imma jekk tinsabu fi żmien diffiċli, tkunu mdejqin tkellmu. Hemm għajnuna llum il-ġurnata. Ħbieb, familja, tkellmu magħhom. Taqgħtux qalbkom. Il-ħajja hi qasira wisq biex taqta’ qalbek.”

Liquorish huwa wieħed mill-aktar reality shows popolari f’Malta, li ilu jixxandar għal aktar minn 20 sena. Il-programm, li jmur ferm lil hinn minn kompetizzjoni tradizzjonali, huwa mibni fuq kunċett uniku ta’ sfida, avventura u żvilupp personali. Kull staġun jara diversi koppji jew duos li jivvjaġġaw lejn pajjiż barrani fejn jiġu esposti għal kulturá differenti u jaffaċċjaw serje ta’ sfidi fiżiċi, mentali u emozzjonali.

L-iskop ta’ Liquorish hu li jwassal lill-parteċipanti biex joħorġu miż-żona ta’ kumdità tagħhom, jiskopru l-limiti tagħhom u jibnu ħiliet ġodda bħal ħidma f’tim, komunikazzjoni u adattament għas-sitwazzjonijiet. Filwaqt li l-element kompetittiv huwa preżenti , bil-parteċipanti jiġu eliminati jew jiġu ppremjati fuq prestazzjoni – il-programm jintrabat ferm mar-relazzjonijiet li jinbnew tul il-vjaġġ u r-riflessjoni fuq l-esperjenza umana.

Wieħed mill-aspetti li jagħmel Liquorish tant maħbub huwa l-ambjent reali u mhux iffabbrikat li fih iseħħu l-avvenimenti. Il-kameras isegwu mill-qrib il-mumenti diffiċli, il-ferħ, l-argumenti u l-konnessjonijiet ġenwini li jseħħu tul il-ġimgħat.

Il-programm ġie ffilmjat f’diversi pajjiżi madwar id-dinja f’dawn l-aħħar snin, inkluż l-Indja, il-Kambodja, il-Vjetnam u riċentement il-Ghana. Barra minn hekk, l-udjenza għandha sehem ukoll billi tivvota għall-favoriti tagħha.

Il-vjaġġ ta’ Kirsty u Amy f’Liquorish mhuwiex biss storja ta’ rebħa. Huwa xhieda ta’ qawwa ta’ karattru, ta’ ħbiberija awtentika, u ta’ kuraġġ li tmur lil hinn mill-konvenjenza. F’mumenti fejn kien hemm sfidi kbar quddiemhom, huma għażlu li jaffaċċjawhom. 

F’mumenti fejn l-emozzjonijiet kien ikollhom prova kbira u li xi kultant jiġu f’mumenti diffiċli, huma għażlu li jkomplu. U f’mumenti fejn setgħu jieqfu, għażlu li jżommu sod.

Ir-rebħa tagħhom ma kinitx sempliċiment finali kienet simbolu ta’ kemm nistgħu niksbu meta nemmnu fil-ħiliet tagħna u fl-appoġġ ta’ dawk ta’ madwarna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport