Wara 14-il ġimgħa ta’ sfidi intensivi, avventuri mill-aktar eċċitanti u mumenti ta’ emozzjoni pura, il-21 edizzjoni tal-programm Liquorish intemm b’mod spettakolari u fuq quddiem nett kienu Kirsty u Amy, magħrufa wkoll bħala Il-Ħbieb, li ġew iddikjarati rebbieħa ta’ din is-sena.
Kirsty u Amy ma kienux biss parteċipanti; kienu ta’ ispirazzjoni għal kull min rahom mill-kumdita’ ta’ daru. B’għaqda li kienet tidher naturali u b’determinazzjoni liema bħalha speċjalment għax huma meqjusa li jiftehmu ħafna, it-tnejn li huma kienu ammiratii mill-pubbliku u l-ġurija u kien għalhekk li spiċċaw bħala l-favoriti ċari fil-ġimgħat għaddew.
Filwaqt li Kirsty ma qisitx ruħha bħala persuna li tistħi u kienet dejjem lesta tiddiskuti u tinnegozja, anke fil-proċessi ta’ bartering , Amy kienet l-element ta’ bilanċ u s-sinsla tat-tim, b’kapaċità ta’ ħidma kbira u approċċ riflessiv. Meta tkellmu ma’ dan il-ġurnal fi tmiem il-programm jew aħjar ftit sigħat wara li ġew dikjarati rebbieħa, it-tnejn kienu għadhom taħt l-effett tal-mumenti emozzjonanti li għaddew minnhom.
“Kienet esperjenza li se tibqa’ magħna għal ħajtek kollha,” qalet Amy, b’ton ta’ gratitudni. “Ħdimna ħafna għaliha, u nirringrazzjaw lil kulħadd għas-sapport.” Kirsty, min-naħa tagħha, kienet emozzjonata u f’sens sorpriża: “Veru ninsabu bla kliem… ma stajniex nemmnu li wasalna sal-aħħar u rbaħna l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm Liquorish.”
L-istorja tagħhom bdiet tliet snin ilu, meta ltaqgħu għall-ewwel darba fil-klassi. Minn dakinhar lil hawn, bnew ħbiberija li issa saret aktar soda minn qatt qabel. “It-tnejn kellna interess fil-programm Liquorish u għamilna l-applikazzjoni flimkien – u tfaċċajna f’din l-avventura!” tgħid Amy b’tbissima.
Kienet ħbiberija li ma kinitx ibbażata fuq il-konvenjenza jew iċ-ċirkostanzi – kienet waħda awtentika u mibnija fuq rispett u appoġġ reċiproku, ħaġa li kompliet tiġi msaħħa matul kull sfida, fit-tlajja u l-inżul tal-programm.
Waħda mill-aktar esperjenzi intensi għalihom kienet il-ħin li qattgħu fil-Ghana, pajjiż Afrikan li għalkemm fqir, offra tagħlim kbir. Dwar din l-esperjenza, Amy qaltilna; “Tgħallimt napprezza aktar dak li għandna f’Malta. Hemmhekk, affarijiet li hawn narawhom bħala normali, hemm huma lussu. Tgħallimt li għandna nkunu grati u li dejjem għandna naraw il-pożittiv fis-sitwazzjoni tagħna. Xi kultant aħna ngergru fuq iċ-ċuċati u nilmentaw fuq ħafna affarijiet. Dawn japprezzaw kull ħaġa żgħira li tagħmlilhom.”
Il-parteċipanti kellhom jagħmlu bartering għall-oġġetti li kellhom bżonn — u f’dawk il-mumenti, Kirsty spikkat. “Kirsty veru ma tistħix,” tgħid Amy bi tbissima. “Kienet tkun l-ewwel li titkellem, l-ewwel li tinnegozja. Il-ħiliet soċjali tagħha kienu essenzjali għas-suċċess tagħna.”
Matul dawn l-14-il ġimgħa, Kirsty u Amy ma kellhomx biss l-isfida tagħhom fiżikament u mentalment u ġew ukoll ispirati mill-koppji l-oħra. “Ma kulħadd konna naqblu,” jgħidu, u jfissru li anke jekk kien hemm kompetizzjoni, il-ħbiberiji li ffurmaw kienu awtentiċi. “Bejn l-aħwa wkoll – konna qisna familja. Se nġorru magħna dawn il-ħbiberiji għal tul il-ħajja.”
Il-programm ma kienx nieqes minn emozzjonijiet personali. Kirsty, li hija omm, kellha tifla ta’ sena u nofs meta daħlet għall-isfida. “Bdejt nibża’ li tinsini,” qalet b’sens ta’ vulnerabbiltà. “Imma ridt nagħmilha din l-isfida. L-avventuri jogħġbuni, u għalkemm kont nibża’, ma stajtx inħalliha tgħaddi mingħajri.”
Ir-rebħa ta’ Kirsty u Amy ġġib magħha total ta’ €6,000 fi flus kontanti u €2,000 f’vawċers — premju li jirrifletti l-isforz kollu li għamlu matul il-vjaġġ tagħhom.
Fl-istess waqt, Raphael, wieħed mill-parteċipanti favoriti tal-pubbliku — ġie ppreżentat bl-unur tal-Audience Favourite Award u b’hekk din l-edizzjoni ma kellhiex rebbieħ wieħed biss.
Meta mistoqsija fejn jidhru lilhom infushom f’għaxar snin oħra, Kirsty qalet: “Nixtieq insiefer u nesplora d-dinja, jekk jippermetti l-but. U fuq kollox, nixtieq inkun omm tajba”
U għal dawk li jħossuhom mitlufa jew qed jitħabtu fil-ħajja, it-tnejn kellhom messaġġ ċar: “Esperjenzi bħal dawn mhumiex komuni fil-ħajja ta’ kuljum. Imma jekk tinsabu fi żmien diffiċli, tkunu mdejqin tkellmu. Hemm għajnuna llum il-ġurnata. Ħbieb, familja, tkellmu magħhom. Taqgħtux qalbkom. Il-ħajja hi qasira wisq biex taqta’ qalbek.”
Liquorish huwa wieħed mill-aktar reality shows popolari f’Malta, li ilu jixxandar għal aktar minn 20 sena. Il-programm, li jmur ferm lil hinn minn kompetizzjoni tradizzjonali, huwa mibni fuq kunċett uniku ta’ sfida, avventura u żvilupp personali. Kull staġun jara diversi koppji jew duos li jivvjaġġaw lejn pajjiż barrani fejn jiġu esposti għal kulturá differenti u jaffaċċjaw serje ta’ sfidi fiżiċi, mentali u emozzjonali.
L-iskop ta’ Liquorish hu li jwassal lill-parteċipanti biex joħorġu miż-żona ta’ kumdità tagħhom, jiskopru l-limiti tagħhom u jibnu ħiliet ġodda bħal ħidma f’tim, komunikazzjoni u adattament għas-sitwazzjonijiet. Filwaqt li l-element kompetittiv huwa preżenti , bil-parteċipanti jiġu eliminati jew jiġu ppremjati fuq prestazzjoni – il-programm jintrabat ferm mar-relazzjonijiet li jinbnew tul il-vjaġġ u r-riflessjoni fuq l-esperjenza umana.
Wieħed mill-aspetti li jagħmel Liquorish tant maħbub huwa l-ambjent reali u mhux iffabbrikat li fih iseħħu l-avvenimenti. Il-kameras isegwu mill-qrib il-mumenti diffiċli, il-ferħ, l-argumenti u l-konnessjonijiet ġenwini li jseħħu tul il-ġimgħat. Il-programm ġie ffilmjat f’diversi pajjiżi madwar id-dinja f’dawn l-aħħar snin, inkluż l-Indja, il-Kambodja, il-Vjetnam u riċentement il-Ghana. Barra minn hekk, l-udjenza għandha sehem ukoll billi tivvota għall-favoriti tagħha.
Il-vjaġġ ta’ Kirsty u Amy f’Liquorish mhuwiex biss storja ta’ rebħa. Huwa xhieda ta’ qawwa ta’ karattru, ta’ ħbiberija awtentika, u ta’ kuraġġ li tmur lil hinn mill-konvenjenza. F’mumenti fejn kien hemm sfidi kbar quddiemhom, huma għażlu li jaffaċċjawhom.
F’mumenti fejn l-emozzjonijiet kien ikollhom prova kbira u li xi kultant jiġu f’mumenti diffiċli, huma għażlu li jkomplu. U f’mumenti fejn setgħu jieqfu, għażlu li jżommu sod.
Ir-rebħa tagħhom ma kinitx sempliċiment finali kienet simbolu ta’ kemm nistgħu niksbu meta nemmnu fil-ħiliet tagħna u fl-appoġġ ta’ dawk ta’ madwarna.