Sunday, August 24, 2025

Il-vjaġġ ta’ Malta sostenibbli

Aqra wkoll

Malta rreġistrat l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-pajjiżi kollha tal-UE fl-ewwel kwart tal-2025. IT-TORĊA tkellmet mal-Inġinier Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority dwar l-isforzi ta’ Malta fil-vjaġġ tagħha ta’ Malta sostenibbli

M: Il-Eurostat iddikkjarat li Malta kellha l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. X’inhuma dawn l-emissjonijiet u għalfejn huwa riżultat pożittiv għal pajjiżna?

T: Preċiżament, l-indikazzjonijiet juru li kien hemm tnaqqis fl-emissjonijiet tas-serra fl-ewwel kwart tas-sena. Din id-data, ippubblikata minn Eurostat fuq bażi trimestrali, tinkludi wkoll attivitajiet internazzjonali bħall-marittimu u l-avjazzjoni rreġistrati lokalment. Għalhekk għandha valur indikattiv. Filwaqt li l-metodoloġija tagħha hija differenti minn dik li biha Malta hi obbligata tirrapporta annwalment lill-UNFCCC (Konvenzjoni tan-Nazzjonojiet Magħquda dwar it-Tibdli fil-Klima) il-pożittiv hu li fiż-żewġ każi x-xejriet huma pożittivi.  Fit-tieni każ l-informazzjoni miġbura hija bbażata fuq emissjonijiet ġġenerati fit-territorju Malti.

B’mod konsistenti qed naraw kif Malta rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet għal kull ewro ta’ valur ekonomiku prodott. Fi kliem ieħor, l-ekonomija tagħna qed tikber iżda b’impatt ambjentali inqas. Dan hu ta’ kuraġġ għax jikkonferma li l-ħidma favur id-dekarbonizzazzjoni mhix qed issir b’detriment għat-tkabbir ekonomiku. Fil-fatt, l-ekonomija Maltija kibret ferm iktar mill-medja fl-Unjoni Ewropea, fejn l-emissjonijiet reġgħu żdiedu. Dan ir-riżultat juri li Malta tista’ timxi b’suċċess lejn tkabbir sostenibbli. Jonqos ħafna xi jsir, imma sinjali bħal dawn jagħtuna kuraġġ. 

M: Skont l-istess Eurostat, Malta hija wkoll fost erba’ pajjiżi li rreġistrat dan it-tnaqqis, filwaqt li l-ekonomija tal-pajjiż kompliet tikber. Kif intlaħaq dan il-għan?

T: Dan ir-riżultat huwa frott ta’ ħidma kontinwa biex inwasslu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Ħidma li trid tkompli minn kulħadd. Hawn qed nitkellmu fuq settur, fejn biex tasal irid ikun hemm bidliet u l-bidliet rridu nġibuho flimkien, gvernijiet, popli, industriji… kulħadd. Dan suġġett li mhux tipponta s-swaba trid, imma li tgħid: jien x’nista nagħmel? 

Kif diġa’ spjegajt f’dan il-każ l-istatistika tindika li rnexxielna nnaqqsu l-emissjonijiet għal kull ewro ta’ valur ekonomiku prodott, jiġifieri l-ekonomija Maltija qed tikber b’impatt ambjentali iżgħar. Dan juri li d-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività ekonomika jistgħu jimxu id f’id.

Fl-istess waqt, tajjeb infakkru meta qed nitkellmu fuq din it-tip ta’ ġbir ta’ informazzjoni qed naraw informazzjoni indikattiva u filwaqt li bil-metodoloġija tal-Eurostat kultant huwa diffiċli tidentifika b’ċertezza l-kontribuzzjonijiet settorjali, l-indikazzjonijiet juru li parti minn dan it-tnaqqis ġej mis-setturi internazzjonali tal-marittimu u l-avjazzjoni.

Fatturi oħra li jispjegaw dan ir-riżultat jinkludu investiment f’enerġija nadifa u aktar effiċjenza fl-użu tagħha, teknoloġiji u trasport sostenibbli, kif ukoll inizjattivi li jħeġġu użu aktar għaqli tar-riżorsi. 

M: Il-Climate Action Authority se tagħlaq sena mit-twaqqif tagħha. Dakinhar, il-Ministru Miriam Dalli qalet li t-twaqqif tal-Awtorità jirrifletti d-determinazzjoni tal-Gvern li jippromwovi għixien sostenibbli u li jkun hemm koordinazzjoni favur il-klima. X’qed tagħmel l-Awtorita f’dan is-sens?

T: F’dawn l-ewwel għaxar xhur, il-Climate Action Authority ħadmet biex tati s-sehem tagħha  u tieħu rwol ċentrali bil-għan li  l-kunsiderazzjonijiet marbuta mat-tibdil fil-klima jitilgħu iktar fuq l-aġenda, inkluż fis-settur pubbliku stess. Qed nemfasizzaw  li l-passi li jittieħdu għandhom mhux biss ikunu effettivi ekonomikament u soċjalment, iżda wkoll konsistenti mal-miri tagħna ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet u adattament għat-tibdil fil-klima. Hemm stejjer ta’ suċċess. Imma hemm ukoll oqsma fejn għadna iktar opportunitajiet li għad irridu noħduhom.  

Għal dan il-għand qed tikkordina mal-ministeri u l-entitajiet sabiex il-kunsiderazzjonijiet klimatiċi jidħlu fil-pjanijiet nazzjonali, minn proġetti infrastrutturali sa pjani ta’ enerġija u mobilità. 

L-Awtorita’ bdiet bil-ħidma billi iffokat fuq is-setturi illi qed joffru l-ikbar sfidi għall-pajjiżi u identifikat numru ta’ inizjattivi biex jiżdiedu dawk il-proġetti u inizjattivi li b’mod konkret jistgħu jagħmlu d-differenza.  Settur importanti huwa t-trasport. Permezz ta’ ħidma ma’ Transport Malta, qed jiġi żviluppat proġett ta solar carports fejn permezz tiegħu, numru ta’ parkeġġi identifkati jkollhom panelli li permezz tagħhom mhux biss jżidu l-kenn għall-karozzi però anke tiġi iġġenerat l-energija rinovabbli. L-Awtorità qed tappoġġja ukoll inizjattivi bħal dawk li jnaqqsu għat-tnaqqis tal plastik u l-użu ta’ ilma iktar effiċjenti fid-djar tagħna. Fil-pjani tagħna proġetti għall-bini pubbliku iktar efficjenti u installazzjoni ta’ panelli fuq il-bini pubbliku.

Barra minn hekk, l-Awtorità bdiet diversi inizjattivi ta’ edukazzjoni biex tinbena kultura ta’ sostenibbiltà, filwaqt li tappoġġja l-ħidma ta’ Malta biex tilħaq l-obbligi Ewropej u internazzjonali tagħha. 

M: Riċentament, l-Awtorità ħabbret sejħa għall-esperti b’interess fil-pjan nazzjonali għall-adattament tal-klima (NCAP). X’inhu dan il-pjan, u għalfejn il-ħtieġa li tinħareġ sejħa?

T: It-tibdil fil-klima mhux xi ħaġa tad-dokumentarji jew tal-kotba, imma hija effett fuq il-ħajja reali ta’ kull wieħed u waħda minnha. Madwar id-dinja qegħdin nesperjenzaw temp estremi varji u iktar frekwenti bħal għargħar, sħana estrema li anke qed twassal għal nirien jew pressjonijiet kbar fuq l-infrastruttura tal-pajjiżi. Dan juri biċ-ċar il-ħtieġa li nassiguraw li nibnu reżiljenza għal dawn ir-realtajiet godda. Bħala gżira f’nofs il-Mediterran aħna suxxettibbli għal dawn l-impatti b’mod partikolari. L-awtorità għalhekk għandha l-irwol mogħti lilha mill-gvern biex tfassal pjan settorali biex insaħħu l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-oqsma li rridu nħarsu lejhom huma diversi, fosthom l-enerġija, l-provvista tal-ilma, it-turiżmu, il-kostruzzjoni u infrastruttura kritika fost oħrajn. L-għan aħħari tal-awtorità huwa li tfassal pjan b’miżuri fattibbli, effettivi u costed.  Biex il-pjan mfassal jilħaq dan l-għan hemm bżonn ta’ esperti varji li jiġu flimkien biex jaħdmu flimkien mal-awtorità. Ghalhekk propju din is-sejħa, ta’ pre market consultation; biex naraw l-interess tas-suq u permezz ta din l-konsultazzjoni l-awtorità tkun tista’ tiffinalizza il-passi. L-għan aħħari hu li jkollna żvillupp ta’ pjan nazzjonali għall-addattament tat-tibdil fil-klima.

M: X’inhuma l-akbar tliet sfidi għall-pajjiżna?

T: Matul dawn l-għexieren ta snin Malta għamlet passi kbar fejn jidħol id-dekarbonizzazjoni tal-ekonomija. Mill-qalba tal-heavy fuel oil ghal-LNG fl-impjanti tal-elettriku, iż-żieda qawwi ta iktar ġenerazzjoni tal-energija rinovvabli u investiment kapitali li jixprunaw ekonomija iktar ħadra. Madanakollu, hemm sfidi mhux żgħar, bħal m’hemm opportunitajiet. Fis-settur tat-trasport u l-bini, per eżempju hemm oqsma fejn irridu nħarsu lejn l-affarijiet iktar differenti. Nieħdu l-kostruzzjoni bħala eżempju; irridu nintensifikaw l-inċentivi u l-miżuri li jiddirezzjonaw is-settur lejn iktar kwalità u effiċjenza fl-enerġija.  Impenjati bħala awtorità li nisfruttaw il-mandat tagħna sabiex nikkonsolidaw il-ħidma bejn entitajiet konċernati biex nwaslu dan il-messaġġ ta’ ħtieġa ta’ bidla fil-ħsieb u l-kultura filwaqt li nibqgħu naraw li jissaħħu u jitijiebu l-incentivi li l-gvern qed joffri f’dawn l-oqsma.

Sfida oħra ewlenija, li mhux qed nesperjenzaw f’Malta biss, hija il-finanzjament tat-tranżizzjoni. Hekk kif anke ħareġ mill-eżitu tal-COP29, mhuwiex biss il-gvern li għandu rwol f’din it-tranżizzjoni, imma hemm rwol u responsabilità anke fuq s-settur privat u kummerċjali, inkluż il-qasam finanzjarju. U għalhekk l-awtorità għaddejja b’ħidma biex toħloq mekkaniżmi li jixprunaw iktar investiment privat fl-oqsma li qed joffru l-ikbar opportunitajiet għal Malta f’din il-qalba għal ekonomija iktar ħadra. Sinjali pożittivi hemm, xogħol sar u qed isir ħafna imma dan settur fejn dejjem tista’ tagħmel iktar u dik l-ambizzjoni li għandu jkollna bħala pajjiż. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport