Saturday, December 21, 2024

“Il-vjolenza domestika mhijiex tbenġil biss”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru Owen Bonnici jisħaq li l-abbuż jinkludi dak psikoloġiku, emozzjonali u verbali

F’dawn il-ġranet qegħdin nitkellmu ħafna dwar il-vjolenza domestika, abbuż ħafna drabi moħbi li huwa pjaga fl-ewwel post għall-vittmi, it-tfal fl-ambjent abbużiv u s-soċjetà in ġenerali. Din it-tip ta’ vjolenza li hija prevalenti fuq in-nisa hija tassew traġedja u lil hinn minn dak li ħafna jassumu, il-vjolenza domestika mhix biss dik li tidher ovvja fil-għajn bħala daqqiet, iżda wkoll dik li ssir f’forma “fantażma” li tagħmel ħsara ferm aktar moħbija u ta’ dannu li tinkludi tbatija psikoloġika, emozzjonali u verbali. Il-vittmi ta’ din it-tip ta’ vjolenza domestika wkoll huma vittmi ta’ reat, ta’ krudeltà u tkasbir. Dwar dan ikellimna l-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, Owen Bonnici, li jisħaq li spiċċa ż-żmien li fejn naraw sinjali ta’ abbuż indawru wiċċna qisna ma rajna xejn għax hemmhekk, bis-silenzju tagħna, inkunu kompliċi.

“Sfortunatament meta nitkellmu dwar abbuż jew vjolenza domestika, għadna naħsbu fit-tbenġil, daqqiet etċ. Dawk huma l-abbuż l-iktar ovvju u l-iktar li jirrikjedi għajnuna urġenti imma tajjeb li niftakru li l-abbuż mhuwiex biss dak li jidher. L-abbuż huwa wkoll it-theddid, it-tgħajjir u l-kliem jew l-azzjonijiet li jġiegħlu lill-vittma tħossha inferjuri, li ma tiswa għal xejn, li mhiex tajba biżżejjed jew saħansitra li moħħha mhux f’postu u qiegħda tesaġera,” beda jispjega l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li l-abbuż huwa wkoll l-iżolament mill-kumplament tal-qraba u l-ħbieb, li ħafna drabi jsir “bl-iskuża li jrid jipproteġi r-relazzjoni tant għal qalbu mill-influwenzi ħżiena”. Hekk bil-mod il-mod il-vittma tibda dejjem tħossha aktar waħedha u dejjem aktar dipendenti fuq l-awtur ta’ dan l-abbuż. 

Il-vjolenza domestika hija sfida ta’ kuljum

Dan huwa t-tip ta’ abbuż li jidħol fin fin u ħafna drabi sakemm il-vittma tinduna li qiegħda tiġi abbużata tkun diġà qiegħda tħossha li anke jekk tixtieq l-għajnuna, m’għandhiex fuq min iddur, m’għandhiex fejn tfittixha. Allura darba wara l-oħra tibqa’ taħfer u tibqa’ taħseb li għaliha m’hemmx triq oħra. Tibda tiddubita minnha nnfisha u anke tħoss li t-tort huwa tagħha u tibqa’ tipprova tara x’tagħmel biex l-imġieba tagħha ma ddejjaqx lis-sieħeb abbużiv. 

Il-Ministru tal-Ugwaljanza jinsisti li fil-verità, imma, il-problema mhix l-imġieba tagħha għall-jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, il-Gvern se jkunu qiegħed jindirizza tliet perspettivi ewlenin li huma – il-vittmi, it-tfal u l-awturi tal-vjolenza nfushom. Huwa qal li, “dawn it-tliet aspetti jridu jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom biex inkunu nistgħu tassew niġġieldu l-vjolenza domestika.” 

Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru tibda meta f’relazzjoni jkun hemm nuqqas ta’ ugwaljanza, jiġifieri li xi ħadd mill-partijiet iħoss li hu superjuri fuq il-parti l-oħra u allura għandu d-dritt jiddominaha. Ħafna drabi, din hija kollha kwistjoni ta’ poter u pussess fuq waħda mill-partijiet.

Ebda tolleranza!

Huwa saħaq li, “spiċċa ż-żmien li nistħu u naħbu l-abbuż. Illum nafu li huwa kruċjali li nkissru dan it-tabu fis-soċjetà tagħna, nikxfu din il-pjaga u niffaċċjawha ta’ li hija. Infakkru li l-vittmi tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru mhumiex waħedhom. Hemm min lest li jgħinhom joħorġu mis-sitwazzjoni li qegħdin fiha u jimxi pass pass magħhom sa ma jerġgħu jiksbu ħajjithom lura. Iżjed minn hekk, wara l-vittmi għandu jkun hemm soċjetà sħiħa li bil-valuri tagħha, ta’ kuljum tikkumbatti din il-battalja, bla ebda tolleranza għall-vjolenza”.

Il-Ministru Bonnici qal li l-Kummissjoni, matul is-16-il jum ta’ kampanja biex tkun indirizzata l-vjolenza domestika lokalment, qiegħda timbotta b’saħħa biex jiżdied l-għarfien, il-kollaborazzjoni u l-azzjonijiet meħtieġa. Din il-Kummissjoni se tkun qiegħda tniedi wkoll kampanja li tenfasizza l-forom differenti ta’ vjolenza, li kollha ġew minn esperjenzi personali tal-vittmi nfushom. Barra t-tema tal-konferenza li tat bidu għas-16-il jum ta’ kampanja “Il-Vjolenza Domestika, l-Isfida ta’ Kuljum”, il-Kummissjoni qiegħda ttella’ dik intitolata “Il-Vuċi Tiegħek Tista’ Teħilsek” bil-għan li aktar vittmi jasmu l-esperjenzi tagħhom u tinkoraġġixxi biex min huwa f’din is-sitwazzjoni jitkellem billi jfittex l-għajnuna offruta permezz ta’ diversi servizzi offruti f’Malta.

It-tfal li jaraw vjolenza domestika huma wkoll vittmi

Għas-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tkun qiegħda tiffoka fuq stħarriġ nazzjonali biex jindirizza tfal li jaraw vjolenza domestika b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta; u t-tnedija tas-“Safe Dates Programme” bl-iskop li jgħallem lit-tfal u ż-żgħażagħ dwar relazzjonijiet tajbin u s-sinjali ta’ relazzjoni abbużiva. Din se ssir f’kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Barra minn hekk, il-kordinazzjoni tal-provvista tas-servizz u n-networking bejn il-Kummissjoni u l-partijiet interessati kollha involuti, hija impenn ieħor lejn il-protezzjoni tal-vittmi, uliedhom u wkoll biex jiġi żgurat li ssir ġustizzja kontra min iwettaq ir-reat.

Filwaqt li saħaq fl-importanza li nedukaw lis-soċjetà u jkun hemm il-prevenzjoni milli ssir din it-tip ta’ vjolenza, il-Ministru Owen Bonnici temm b’appell biex “ilkoll niġbdu ħabel wieħed fejn tidħol din il-pjaga soċjali u nassiguraw li jkollna soċjetà fejn kulħadd iħossu sigur, fejn kulħadd għandu vuċi u fejn il-vuċi ta’ kulħadd tinstema’ u jkollha valur”.

Il-vjolenza domestika fi żmien il-Covid-19… Fl-10 xhur ta’ bejn Marzu u Diċembru 2020 kien hemm żieda ta’ 16% fuq is-sena ta’ qabel fin-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika. Dan ifisser li filwaqt li sas-sena ta’ qabel kien hemm medja ta’ 122 rapport fix-xahar, waqt il-pandemija, meta kulħadd kien qed iqatta’ iktar ħin id-dar, il-medja ta’ rapporti dwar vjolenza domestika żdiedet għal 142 fix-xahar. 

Ekonomija

Sport