Thursday, March 28, 2024

Waddab komodina lejn uffiċjali korrettivi li marru jassistuh

Aqra wkoll

Ikollu l-piena mnaqqsa wara li l-Qorti ddikjarat li huwa jinsab miexi fid-direzzjoni ta’ riforma sħiħa

Raġel ta’ 36 sena li nstab ħati li ħebb għal żewġ uffiċjali korrettivi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kellu l-piena ta’ 10 xhur ħabs imnaqqsa għal seba’ xhur wara li Imħallef li semgħet l-appell tiegħu kkunsidrat li huwa jinsab miexi fid-direzzjoni ta’ riforma sħiħa fejn bħalissa qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Il-każ imur lura għat-8 ta’ Diċembru 2018 meta Wayne Delia kien talab lill-uffiċjali korrettivi għall-għajnuna medika għax kellu uġigħ f’saqajh. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali infurmawh li l-proċedura li kellha tiġi segwita kienet li l-priġunier inkwisjoni jirreġistra li jixtieq is-servizzi ta’ tabib u kif dan tal-aħħar jidħol għax-xogħol jipproċedi sabiex jinvistah. 

Jidher però li Delia ma kienx segwa dan il-proċess. Hekk kif Delia sema’ dan il-kliem, huwa allegatament ħebb għall-uffiċjali korrettivi u waddbilhom komodina li kien hemm fiċ-ċella tiegħu, b’liema komodina huwa laqat li wieħed mill-uffiċjali f’siequ x-xellugija. 

Fil-Qorti ħareġ ukoll li dak il-ħin, Delia allegatament ipprova jħebb għall-uffiċjali fiżikament, u dawn immanettjawh u pprovaw jikkalmawh iżda xorta waħda baqa’ aggressiv fil-konfront tagħhom, tant li fil-kommossjoni, uffiċjal korrettiv minnhom weġġa’ idu.

Delia mbagħad ittieħed fil-‘green room’, li hija ċella bl-għamara, fejn hemmhekk intqal li allegatament hedded lil dan l-istess uffiċjal bil-familja tiegħu. Fl-istess kamra, huwa reġa’ sar aggressiv tant li kisser it-tieqa tal-plastic.

Il-priġunier beda wkoll jhedded li se jsabbat rasu mal-ħajt sabiex iweġġa’ lilu nnifsu u minħabba f’hekk huwa ġie referut lejn l-Isptar Monte Carmeli. Ftit tal-jiem wara li seħħ dan il-każ, huwa ġie mitkellem mill-pulizija. 

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Edwina Grima qalet li mill-provi li tressqu quddiemha, jidher ċar li Delia hedded lil wieħed mill-uffiċjali inkwistjoni kif ukoll ikkawża li-tnejn li huma ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq il-persuna tagħhom. Intqal li dan l-aġir seħħ waqt li l-uffiċjali kienu qegħdin jaqdu dmirijiethom u jagħmlu x-xogħol tagħhom fil-faċilità.

Delia stess jikkonċedi li huwa fil-fatt imbotta l-komodina taċ-ċella tiegħu fid-direzzjoni tal-uffiċjali avolja mbagħad ikompli jtenni li ma jafx jekk laqatx lil xi ħadd biha. “Dan għamlu sabiex jipprotesta ruħu għall-fatt li ma kienx ingaħata l-għajnuna medika li kien qed jitlob fil-pront u mhux għaliex kien qed jirreżisti lil uffiċjali milli jeżegwixxu l-liġi jew xi ordni mis-superjuri tagħhom,” qalet il-Qorti. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li prova tat-theddid li sar minn Delia nġabet mix-xhieda taż-żewġ uffiċjali li kkonfermaw li huwa kien qal lil wieħed minnhom sabiex jieħu ħsieb lill-mara u t-tfal tiegħu. Sadanittant, provi tal-ġrieħi li ġarrbu l-uffiċjali rriżultaw ukoll miċ-ċertifikati li kienu ppreżentati mill-Prosekuzzjoni.

Dwar it-talba ta’ Delia għal varjazzjoni fil-piena, il-Qorti rat li r-raġel, wara ħajja mifnija bil-vizzju tad-droga, liema vizzju wasslu fit-triq tal-kriminalità kif tixhed il-fedina penali voluminuża tiegħu, illum miexi fid-direzzjoni t-tajba. 

“Għalkemm il-Qorti fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi fil-ħajja ta’ Delia, tqis li perjodu ulterjuri ta’ inkarċerazzjoni mhux se jservih ta’ ġid, madankollu għandha jdejha marbuta billi hija prekluża milli tapplika piena alternattiva għal dik tal-inkarċerazzjoni,” qalet l-Imħallef Grima. 

Kien għalhekk li naqqsitlu l-piena ta’ ħabs bi tliet xhur fejn issa se jkollu jiskonta sentenza ta’ seba’ xhur priġunerija. Huwa kellu wkoll il-multa mnaqqsa minn €5,000 għal €800.

Finalment, il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illi l-appellant ikompli jsegwi l-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u dan sabiex ma jitlifx is-suċċessi li kiseb sa issa. 

Ekonomija

Sport