Saturday, November 21, 2026
Home Sport ‘Din il-ħatra mhijiex biss unur personali, iżda responsabbiltà lejn il-membri, lejn il-professjoni...

‘Din il-ħatra mhijiex biss unur personali, iżda responsabbiltà lejn il-membri, lejn il-professjoni li tant inħobb u lejn il-legat ta’ dawk li bnew din l-Għaqda’ – Lorraine Cunningham – President ġdida tal-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS)

0
41

Minn Cristian Muscat

Lorraine Cunningham kitbet l-istorja billi saret l-ewwel president femminiili tal-Għaqda Ġurnalisti Sport (GħĠS).

Is-Sinjura Cunningham ġiet eletta b’24 vot favur u 7 kontra li kienu tal-kandidat Paul Cachia, f’votazzjoni li saret fost il-membri preżenti.

Din il-ħatra timmarka pass importanti għall-għaqda, li tirrappreżenta lill-ġurnalisti sportivi f’Malta u Għawdex.

Is-Sinjura Cunningham għandha esperjenza estensiva fi ħdan l-organizzazzjoni, hekk kif kienet ilha tokkupa l-kariga ta’ segretarju ġenerali mill-2018.

L-elezzjoni tagħha hija wkoll mument sinifikanti għar-rappreżentanza tan-nisa fil-ġurnaliżmu sportiv Malti.

Issa se tkun qed tmexxi l-għaqda, bil-għan li tibni fuq il-kisbiet miksuba, issaħħaħ il-professjoni u tkompli tappoġġja lill-membri tagħha.

Dan is-sit tkellem ma’ Lorraine Cunningham innifisha li tana iktar dettalji.

Fi kliemha:

L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għall-fiduċja kbira li wrew fija bl-elezzjoni tiegħi bħala President. Nilqa’ din il-fiduċja b’sens kbir ta’ responsabbiltà u bl-impenn li, flimkien mal-kollegi tiegħi fil-Kumitat Eżekuttiv, nagħmel dak kollu possibbli biex immexxu l-Għaqda b’dedikazzjoni, fuq bażi volontarja, għall-ġid ta’ dawk li nirrappreżentaw.

Dejjem emmint li l-Għaqda Ġurnalisti Sports hija tal-membri u għall-membri, u huwa fuq dan il-prinċipju li nixtieq nibbaża l-ħidma tiegħi.

Waħda mill-prijoritajiet tagħna se tkun li nerġgħu nibnu u nsaħħu r-relazzjonijiet mal-membri u mal-assoċjazzjonijiet sportivi, permezz ta’ djalogu u kollaborazzjoni. Irridu li l-Għaqda tibqa’ punt ta’ riferiment għall-ġurnalisti sportivi kollha. Fl-istess waqt, se nimpenjaw ruħna biex norganizzaw l-Għażliet Sportivi Nazzjonali, l-akbar attività tal-Għaqda, li permezz tagħha jingħata rikonoxximent lill-protagonisti tal-isport Malti.

Wara tmien snin bħala Segretarju Ġenerali, li matulhom kelli s-sodisfazzjon nara lill-Għaqda tikber kemm fin-numru tal-membri kif ukoll fil-viżibbiltà tagħha, illum qed inħares ’il quddiem biex inkompli nibni fuq dak li nkiseb. Għalija huwa importanti li nkomplu nsaħħu l-legat li bdew dawk ta’ qabilna, biex inħalluh f’idejn dawk li għad jiġu warajna ħalli jkomplu jibnu fuqu.

Fuq nota personali, ma nistax ma nħarisx lura lejn 35 sena ilu meta, kważi b’kumbinazzjoni, mort nagħmel l-ewwel kollegament sportiv tiegħi. Kien pass li jinvolvi ċertu riskju għaliex sa dak iż-żmien l-ebda mara ma kienet għadha għamlet dan. Iżda dik l-esperjenza nisslet fija mħabba lejn il-ġurnaliżmu sportiv li għadha ħajja sal-lum u li ma nibdilha ma’ xejn.

Qatt ma kont nimmaġina li xi darba kont se mmexxi din l-Għaqda, imwaqqfa minn ġurnalisti pijunieri li tant kont nammira u li għadni nammira sal-lum.

Mingħajr ma nsemmi ismijiet, għaliex huma ħafna, insellem u nirringrazzja lil dawk kollha li matul is-snin inkoraġġewni, iggwidawni, għallmuni u tawni opportunitajiet, kif ukoll lil dawk li għadhom jagħmlu l-istess ma’ oħrajn.

Din il-ħatra mhijiex biss unur personali, iżda responsabbiltà lejn il-membri, lejn il-professjoni li tant inħobb u lejn il-legat ta’ dawk li bnew din l-Għaqda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here