“Ilni ħafna nfittex ħaddiema u ma nistax insib. Hi problema kbira. Fil-qasam li noperaw fih aħna, dak tal-catering, tfittex u għalxejn. Jiġu jagħmlu ftit u jitilqu. Ippruvajt insib Maltin. Ma sibtx. F’sitwazzjoni hekk ma tistax topera kif trid b’mod partikolari il-pjani tagħna għal tul ta’ żmien”. Jiddikjara dan sid ta’ ristorant, waqt li jirrimarka li statistika uffiċjali f’Malta turi li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 9,619 il-post tax-xogħol vakanti f’Malta. “Din tfisser kważi 10,000 post tax-xogħol, li kienu għadhom ma imtlewx”, qalilna l-istess sid.
Is-sid tkellem ma’ L-ORIZZONT b’reazzjoni għall-istħarriġ mill-Kamra tal-Industriji Żgħar u Medji, li minnu rriżulta b’mod ċar li n-nuqqas ta’ ħaddiema hu l-akbar tħassib kummerċjali.
“Taf kemm hu faċli tgħid lil dawk ma rridhomx, lil dawn lanqas. Imma biex se naħdmu imbagħad? Min se jagħmel ċertu xogħlijiet? Nistieden lil min irid. Jiftaħ kafeterija jew ristorant u jara jsibx ħaddiema. Tista’ mhux titkarrab, għax ma ssibx. Għaddejna minnha aħna u għadna għaddejjin”, jgħidilna l-istess sid.
L-istħarriġ dwar l-isfidi tan-negozji juri li hemm tħassib dwar it-traffiku
Mill-istħarriġa tal-Kamra tal-Negozji Żgħar u Medji jirriżulta li nuqqas ta’ ħaddiema jibqa’ l-akbar sfida li qed jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) f’Malta. Mill-istess stħarriġ joħroġ ukoll li qiegħed jikber it-tħassib dwar l-inflazzjoni u il-konġestjoni tat-traffiku. Id-direzzjoni li fiha sejjer il-pajjiż ukoll qiegħda tħasseb.
Ta’ min jgħid li dan l-istħarriġ kien għat-tielet kwart tas-sena 2026. Dan kien ippubblikat mill-Kamra tal-SMEs f’Malta b’kollaborazzjoni mal-kumpanija MISCO. Minnu joħroġ li kien hemm xejn inqas minn 38.3 fil-mija tan-negozji li identifikaw in-nuqqas ta’ impjegati bħala waħda mill-akbar żewġ tħassib tagħhom.
Iż-żieda fil-prezzijiet, xi ħaġa li reġgħet bdiet terfa’ rasha fl-aħħar xhur ukoll hi fost l-akbar tħassib u filfatt kien hemm 18.6 fil-mija li esprimew tħassib dwar dan. Jekk wieħed iqabbel dan mal-istħarriġ preċedenti isib li qegħdin jiżdiedu is-sidien ta’ negozji li qegħdin jinkwetaw dwar iż-żieda fil-prezzijiet.
Fattur ieħor li qiegħed jinkwieta sew lis-sidien tan-negozji huma l-konġestjonijiet tat-traffiku. Kien hemm xejn inqas minn 17.1 fil-mija tan-negozji li esprimew tħassib dwar it-traffiku. Dan ovvjament jaffettwa b’mod qawwi kemm il-produttività u l-ispejjeż marbutin mal-operat fost oħrajn.
In-negozji kienu mistoqsin dwar liema jaħsbu li huma l-ikbar sfidi li l-Gvern għandu jindirizza fiż-żmien li ġej. Kien hemm 35 fil-mija li semmew li l-awtoritajiet għandhom jitrattaw dik li sejħu popolazzjoni żejda, 31.7 fil-mija qalu li jemmnu li hemm bżonn tmexxija aħjar u 25.9 fil-mija semmew il-korruzzjoni.
Mistoqsija li ma tistax ma ssirx lin-negozji hi dwar investimenti u tkabbir ta’ l-operat tagħhom. Meta mistqosijin dwar dan kien hemm 55 fil-mija li qalu li mhumiex ċerti jekk is-sena li ġejja hix se tkun żmien tajjeb biex jinvestu. Mill-banda l-oħra kien hemm 26 fil-mija wieġbu li ma jarawx li s-sena li ġejja se tkun tajna biex jinvestu, waqt li 19 fil-mija iddikjaraw li jemmnu li se jkomplu jinvestu.
Wieħed irid jirrimarka li dan l-istħarriġ sar bejn it-12 u t-23 ta’ Ottubru, qabel id-diskors tal-Baġit tal-Gvern għall-2027.
