Delegazzjoni tal-Partit Laburista, magħmula mill-Ministru Rosianne Cutajar, il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard u l-Membru Parlamentari Clint Azzopardi Flores, żaret PLAYCON 2026 li għal sena oħra qed tiġi mtella’ minn Gaming Malta matul tmiem il-ġimgħa u li tpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-industrija tal-logħob diġitali u d-divertiment interattiv.
PLAYCON tlaqqa’ flimkien il-komunità tal-logħob diġitali, l-esports u t-teknoloġiji immersivi, filwaqt li tagħti viżibbiltà lil industrija li tgħaqqad il-kreattività, l-innovazzjoni u t-teknoloġija. L-avveniment iservi wkoll bħala opportunità biex kumpaniji, studios, tekniċi u professjonisti fis-settur juru l-ħidma tagħhom, jaqsmu l-esperjenzi u jesploraw opportunitajiet ġodda ta’ investiment u kollaborazzjoni.
Matul iż-żjara, id-delegazzjoni tal-Partit Laburista kellha l-opportunità li tapprezza l-iżvilupp li għaddej f’dan is-settur u l-potenzjal li għandu biex ikompli joħloq opportunitajiet ekonomiċi u professjonali ġodda għal pajjiżna.
Din is-sena timmarka s-6 edizzjoni u qed tkompli tirrifletti l-progress miksub mill-2019 ’l hawn, meta tniediet l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp tal-gaming diġitali u l-esports. Din in-niċċa ekonomika ġdida li ħoloq Gvern Laburista qed toffri opportunitajiet lit-talent Malti f’oqsma kreattivi u tekniċi, filwaqt li tattira investiment internazzjonali u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ prodotti diġitali f’Malta. Hija wkoll industrija li tista’ tkompli tikkontribwixxi għal ekonomija aktar diversifikata u bbażata fuq ħiliet speċjalizzati u impjiegi ta’ kwalità.
F’dan il-kuntest, il-Viżjoni 2050 tpoġġi lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fid-divertiment interattiv li jista’ toffri prospetti konkreti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-miri tal-Gvern għal dan is-settur sal-2035 huma li dan jikkontribwixxi bejn 1% u 2% tal-Valur Miżjud Gross tal-ekonomija Maltija, li jkun hemm mill-inqas 35 studio tal-iżvilupp tal-logħob f’Malta u li jinħolqu aktar minn 2,000 impjieg speċjalizzat.
Id-delegazzjoni nnutat ukoll l-importanza tal-miżuri ta’ appoġġ imħabbra mill-Gvern għall-industrija, fosthom il-Video Game Gateway Fund, b’allokazzjoni ta’ €200,000, u l-Video Game Production Rebate, b’allokazzjoni ta’ €2 miljun. Dawn iż-żewġ skemi, b’investiment totali ta’ €2.2 miljun, huma maħsuba biex jgħinu jappoġġjaw il-produzzjoni lokali u jkomplu jattiraw investiment internazzjonali lejn Malta.
Il-Ministru Rosianne Cutajar saħqet dwar l-importanza ta’ logħob diġitali li jinkorpora fih ukoll elementi edukattivi. L-industrija diġitali u t-teknoloġija qed isiru dejjem aktar parti integrali mill-ħajja tagħna u għalhekk minbarra element rikreattiv, huwa importanti li nħarsu lejn aspetti oħra importanti bħal dak edukattiv u ta’ karrieri professjonali f’dan il-qasam.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard qal li Gvern Laburista qed ikompli joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda li jħallu aktar flus fl-ekonomija ta’ pajjiżna li twassal għal aktar opportunitajiet, xogħol ta’ kwalità kif ukoll saħħa finanzjarja lill-Gvern biex ikompli jkun ta’ spalla għal familji u n-negozji b’sussidji u tax-cuts sena wara l-oħra.
Il-Membru Parlamentari Clint Azzopardi Flores tkellem dwar kif l-industrija diġitali toħloq impjiegi ta’ kwalità mingħajr ma toħloq pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. L-istrateġija li nieda Gvern Laburista fl-2019 qed tħalli l-frott hekk kif qed tkompli żżid il-Valur Miżjud Gross fl-ekonomija tal-pajjiż, fattur li jgawdi minnu kulħadd.
Il-Partit Laburista jemmen li t-tkabbir ekonomiku għandu jkompli jinfetaħ għal setturi ġodda u innovattivi li jagħtu spazju lit-talent Malti biex jiżviluppa, joħloq u jirnexxi. Iż-żjara f’PLAYCON 2026 tikkonferma l-importanza li nkomplu nappoġġjaw setturi li jħarsu lejn il-futur u li jistgħu jagħmlu lil Malta ċentru ta’ talent, innovazzjoni u opportunitajiet fuq livell internazzjonali.
